Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044
Date Icon 28/11/2026

Il-proposti għal liġi ġdida dwar il-volontarjat kienu fiċ-ċentru ta’ konferenza ta’ konsultazzjoni bit-tema “Il-Liġi tal-Volontarjat – Nitkellmu mas-Settur”. Iktar minn 100 għaqda kkonkorriet għall-konferenza li offriet spazju għall-organizzazzjonijiet volontarji biex jiddiskutu l-bidliet proposti u jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ qafas li jirrifletti aħjar il-ħtiġijiet tagħhom u tal-voluntiera.

 

Ir-riforma proposta għandha l-għan li tnaqqas il-burokrazija, issaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-settur fid-deċiżjonijiet li jolqtuh u, għall-ewwel darba, tintroduċi rikonoxximent u protezzjoni legali speċifiċi għall-voluntiera. Dan filwaqt li tkompli tissaħħaħ it-trasparenza u l-fiduċja pubblika fl-organizzazzjonijiet volontarji.

 

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia saħqet li din ir-riforma trid tinbena fuq l-esperjenza tan-nies li jagħtu ħinhom b’risq ħaddieħor.

 

“Wara kull organizzazzjoni hemm nies li, wara ġurnata xogħol u bejn l-impenji tal-familja, xorta jsibu l-ħin biex jgħinu. Hemm min jitħarreġ biex isalva ħajja, min jgħin f’każin, min jorganizza attività għat-tfal u min ikun ta’ spalla għal familja f’mument diffiċli. Irridu li l-liġi tagħraf dan l-impenn u tagħmilha aktar faċli biex dawn in-nies ikomplu jagħmlu l-ġid,” qalet il-Ministru.

 

Fost il-proposti hemm li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji jservi bħala punt uniku ta’ kuntatt mal-Istat. L-għan hu li organizzazzjoni tissottometti l-informazzjoni darba, b’aktar koordinazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi, u li ċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni u tal-konformità tagħha jiġu aċċettati bħala prova tal-istatus tagħha mill-entitajiet tal-Gvern.

 

Qed jiġu proposti wkoll obbligi ta’ rappurtar li jkunu aktar proporzjonati mad-dħul u d-daqs ta’ kull organizzazzjoni. Dawn jinkludu kontabbiltà aktar sempliċi għall-iżgħar organizzazzjonijiet u aktar żmien għas-sottomissjonijiet għal dawk b’rekord tajjeb ta’ konformità. Skont l-istimi ppreżentati, madwar 75% tal-1,949 organizzazzjoni volontarja attiva jistgħu jibbenefikaw minn tal-inqas waħda mill-bidliet proposti fir-rappurtar.

 

Il-qafas propost jagħti attenzjoni partikolari lill-voluntiera, fosthom permezz ta’ rwoli ċari, taħriġ, kundizzjonijiet siguri u rikonoxximent tal-ħiliet miksuba waqt il-volontarjat. Jinkludi wkoll salvagwardji għal min jaħdem mat-tfal u ma’ persuni vulnerabbli.

 

“Il-volontarjat huwa sieħeb importanti fil-ħidma tagħna għal soċjetà li tieħu ħsieb lil kulħadd. Għalhekk irridu nagħtuh aktar spazju biex jikber, aktar vuċi u appoġġ li jinħass fil-ħidma ta’ kuljum. Din il-konsultazzjoni hija opportunità biex nisimgħu, intejbu l-proposti u nibnu r-riforma flimkien ma’ dawk li se jgħixuha,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia. 

 

Minn nhar l-Erbgħa, 2 ta’ Diċembru, l-għaqdiet ikkonċernati se jkollhom għaxart ijiem sabiex jissottomettu r-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom. Fi tmiem dan il-perjodu, is-sottomissjonijiet se jiġu analizzati u kkunsidrati fil-proċess tat-tfassil tal-proposta. Wara li jintemm dan l-istadju, tinfetaħ konsultazzjoni pubblika għal perjodu ta’ tliet ġimgħat dwar l-abbozz tal-proposta finali.

 

Il-konferenza inkludiet ukoll interventi mis-Segretarju Permanenti Stephanie Rocco, miċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Gertrude Buttigieg u mill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba, flimkien ma’ ħin għal mistoqsijiet u diskussjoni. L-abbozz tal-liġi u r-regolamenti relatati għadhom suġġetti għall-konsultazzjoni u r-reviżjoni legali qabel jitressqu quddiem il-Parlament.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Qed naħdmu biex ikollna aktar riżorsi umani u l-aħħar teknoloġija biex intaffu l-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni bil-Parkinson’s” – id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR262043

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

More Press Releases Right arrow