STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “Qed naħdmu biex ikollna aktar riżorsi umani u l-aħħar teknoloġija biex intaffu l-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni bil-Parkinson’s” – id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
F’Malta, aktar minn 2,000 persuna huma rreġistrati li qed jirċievu kura għall-marda tal-Parkinson’s. Fil-ftuħ tal-konferenza Advances and Challenges in Parkinson’s Disease, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg tkellem dwar kif din il-kundizzjoni tbiddel il-ħajja ta’ kuljum tal-pazjenti u tal-familji tagħhom. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-pazjenti jsibu l-appoġġ li jeħtieġu f’kull stadju tal-marda.
Il-konferenza, organizzata mill-Malta Association for Neurologists and Neurosurgeons (MANNS), laqqgħet flimkien professjonisti tas-saħħa minn Malta u minn barra minn xtutna, kif ukoll pazjenti u għaqdiet li jaħdmu magħhom. Id-diskussjonijiet kienu dwar l-avvanzi fit-trattament, ir-riċerka dwar il-ġenetika tal-Parkinson’s fil-kuntest Malti u l-esperjenzi tal-pazjenti nfushom.
Dr Borg spjega li għal persuna li tgħix bil-Parkinson’s, anke attivitajiet sempliċi ta’ kuljum, bħal li tilbes jew timxi, jistgħu maż-żmien isiru sfida kbira. Żied jgħid li ħafna familji jkollhom jadattaw ir-rutina tagħhom biex jieħdu ħsieb lil xi ħadd għażiż għalihom u sostna li, bħala soċjetà, għandna nifhmu minn xiex jgħaddu dawn il-familji u nkunu ta’ spalla għalihom.
“Nirringrazzja lil din il-komunità ta’ professjonisti u lill-għaqdiet għax-xogħol tagħhom u għall-inizjattivi li jieħdu b’risq il-pazjenti u l-familji tagħhom. Qed naħdmu biex ikollna aktar riżorsi umani u l-aħħar teknoloġija biex intaffu l-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni b’mard fosthom il-Parkinson’s,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Huwa fakkar li fl-2011, bis-sehem tan-newrokirurgu Malti l-Professur Ludvic Zrinzo, fl-Isptar Mater Dei bdiet issir proċedura magħrufa bħala Deep Brain Stimulation. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-pazjenti li għalihom dan l-intervent ikun adattat jistgħu jirċievu dan it-trattament speċjalizzat f’Malta stess.
Dr Borg semma wkoll li l-Ministeru għas-Saħħa ħareġ ukoll sejħa għall-kariga ta’ Practice Nurse in Neurology, b’responsabbiltà speċifika għall-kura tal-persuni bil-Parkinson’s. Il-persuna se tkun punt ta’ kuntatt għall-pazjenti u l-familji tagħhom u se toffrilhom gwida dwar it-trattament u dwar kif jistgħu jlaħħqu mad-diffikultajiet ta’ kuljum, filwaqt li żżomm kuntatt man-newrologi u mal-bqija tat-tim li jieħu ħsiebhom.
Min-naħa tagħha, Dr Nicola Dingli, President tal-MANNS u konsulenta tan-Newroloġija, irringrazzjat lid-Deputat Prim Ministru u lil dawk kollha li attendew filwaqt li saħqet li qed tħares ’il quddiem għal aktar avvanzi. “Illum inġbarna bħala professjonisti biex nitgħallmu minn xulxin u niddiskutu kif nistgħu ngħinu lill-pazjent bl-aħjar mod. Qed inħarsu ’l quddiem lejn l-avvanzi f’dan il-qasam, fosthom mediċini ġodda li jistgħu jsiru disponibbli għall-pazjenti,” qalet Dr Dingli.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en