STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield
“Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat.” Dan qalu l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, meta indirizza l-Konferenza Nazzjonali tal-Piroteknika Maltija, organizzata mill-Għaqda Piroteknika Maltija.
Il-Ministru saħaq li l-piroteknika hija parti integrali mit-tradizzjoni tal-festi Maltin u mill-identità tal-ibliet u l-irħula tagħna, frott il-ħidma, id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ.
Huwa qal li wasal iż-żmien li l-liġi tiġi aġġornata għar-realtajiet tal-lum, sabiex is-settur jibbenefika minn metodi iktar avvanzati, regolamenti iktar ċari u standards aħjar kemm fil-manifattura kif ukoll fil-ħruq tal-arti piroteknika.
F’dan il-kuntest, fakkar li matul dan is-sajf waqqaf kumitat immexxi mill-eks Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, li jiġbor fih professjonisti fil-qasam, rappreżentanti tal-każini tal-baned u rappreżentant mill-Oppożizzjoni. Dan bil-għan li l-proposti għal titjib jitfasslu permezz ta’ konsultazzjoni u djalogu ma’ dawk kollha involuti.
Aspett importanti ieħor huwa li jkun hemm iktar ċarezza dwar ir-responsabbiltajiet ta’ dawk li jmexxu l-kmamar tan-nar, filwaqt li s-sigurtà tkun prijorità f’kull stadju, mill-manifattura sal-ħażna u l-ħruq.
“Dawn il-bidliet mhumiex maħsuba biex inaqqsu l-importanza tal-piroteknika. Għall-kuntrarju, huma maħsuba biex jiżguraw li din tibqa’ teżisti u tkompli tissaħħaħ. Il-kultura tagħna rridu nippriservawha, iżda rridu wkoll nipproteġuha,” sostna l-Ministru.
Huwa temm billi feraħ lill-Għaqda Piroteknika Maltija għall-organizzazzjoni tal-konferenza u għall-impenn tagħha, fosthom il-ħidma biex titwaqqaf akkademja għat-tagħlim u t-taħriġ f’dan il-qasam.
“Għandna d-dmir li nħarsu dan il-wirt kulturali u ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. It-tradizzjoni ma nħarsuhiex billi nżommu kollox kif inhu, iżda billi nibdlu dak li hemm bżonn biex inkomplu nsaħħu dak li għandna,” temm jgħid il-Ministru Bedingfield.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea.
Other Press Releases:
PR262044
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...
PR262043