STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Sala taħt il-Knisja ta’ Għajnsielem tinbidel fi spazju għall-Għaqda tal-Presepisti u għar-residenti ta’ Għajnsielem
Sala li tifforma parti mill-pedamenti tal-Knisja ta’ Għajnsielem ingħatat ħajja ġdida billi nbidlet fi spazju kreattiv u soċjali fejn ir-residenti u l-viżitaturi jkunu jistgħu jattendu korsijiet, wirjiet u seminars matul is-sena kollha. Il-proġett, bl-isem The Creative Hall, ra kamra li għal żmien twil kienet mitluqa u tintuża bħala maħżen għall-ħażna ta’ diversi oġġetti tinbidel fi spazju miftuħ u adattat għal kulħadd, fejn jistgħu jiltaqgħu r-residenti u l-familji ta’ Għajnsielem, u fejn jinħolqu opportunitajiet għal attivitajiet kulturali, edukattivi u soċjali.
Is-sala qed tilqa’ wkoll korsijiet prattiċi dwar il-bini tal-presepju, biex dawk li jixtiequ jitgħallmu din is-sengħa jkunu jistgħu jagħmlu dan mal-presepisti tal-lokal. Għaqdiet volontarji oħra ta’ Għajnsielem se jkunu jistgħu jużaw is-sala mingħajr ħlas biex jorganizzaw il-korsijiet tagħhom.
Dan il-proġett twettaq permezz ta’ finanzjament mill-iskema tal-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat kif “il-voluntiera ta’ Għajnsielem ilhom iżommu ħajja t-tradizzjoni tal-presepju bix-xogħol li jagħmlu sena wara sena. Permezz ta’ dan il-proġett se jkollhom fejn juru xogħolhom is-sena kollha u fejn jgħaddu s-sengħa tagħhom lil min irid jitgħallimha. Bħala Gvern irridu nkomplu nagħtu lill-għaqdiet volontarji l-appoġġ li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jwettqu proġetti li jħallu ġid fil-komunitajiet tagħhom.”
Ix-xogħlijiet jinkludu r-restawr tal-bibien u t-twieqi, l-installazzjoni ta’ soffitt ġdid bid-dawl u t-tqassim mill-ġdid ta’ partijiet mis-sala. Se jitwaħħlu wkoll projector u sistema awdjoviżiva biex l-ispazju jkun jista’ jintuża għal wirjiet, korsijiet u attivitajiet tal-komunità.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, Mauro Pace Parascandalo, fisser kif “is-saħħa tal-iskema VOPS tinsab fil-flessibbiltà tagħha. Permezz tagħha nistgħu ngħinu lill-għaqdiet volontarji jwettqu proġetti li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħhom. F’isem il-Kunsill, nirringrazzja lill-Għaqda Presepisti ta’ Għajnsielem u lill-voluntiera tagħha tal-ħidma li jagħmlu sena wara sena biex iżommu ħajja din it-tradizzjoni u jgħadduha lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Stqarrijiet Oħra:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037