STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Inwettqu Flimkien: Opportunitajiet ta' xogħol għas-sajf 2023 għall-istudenti
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ħabbar li l-istudenti full-time li temmew l-edukazzjoni sekondarja obbligatorja (Form V/11 il-sena), u dawk li qed jistudjaw f'livell post-sekondarju, vokazzjonali jew terzjarju, inkluż dawk li huma fl-aħħar sena tal-istudji tagħhom, li l-applikazzjoni għax-Xogħol għas-Sajf għall-Istudenti 2023 se tkun miftuħa minn nhar il-Ħamis, 30 ta' Marzu 2023 f'nofsinhar u tagħlaq nhar il-Ġimgħa, 28 ta' April 2023.
Dawk l-istudenti li huma interessati għandhom japplikaw online fuq https://edurecruitment.gov.mt/ u jtellgħu l-iscans taż-żewġ naħat tal-Karta tal-Identità tagħhom flimkien mad-dokumenti kollha mitluba fis-sejħa għall-applikazzjonijiet.
L-istudenti eliġibbli se jkunu mitluba jagħmlu test online għal fini ta' klassifikazzjoni.
L-istudenti se jkunu mitluba jagħżlu l-preferenza tal-qasam li jixtiequ jaħdmu fih.
Studenti li se jagħżlu li jaħdmu bħala Playworkers u li se jkunu parti mit-team ta' SkolaSajf mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se jaħdmu ż-żewġ fażijiet fuq firxa ta' tmien (8) ġimgħat bejn il-11 ta' Lulju u s-7 ta' Settembru 2023 b'waqfa ta' ġimgħa (shutdown) matul il-ġimgħa ta' Santa Marija.
Studenti li se jagħżlu li jaħdmu fl-oqsma l-oħra se jaħdmu fażi waħda ta' erba' ġimgħat.
Għalhekk l-istudenti huma mitluba li japplikaw għal Fażi 1 jew Fażi 2 billi jissottomettu applikazzjoni separata għal kull fażi. L-istudenti xorta jistgħu japplikaw għaż-żewġ fażijiet billi dan jiddependi mill-ammont ta' postijiet offruti minn min iħaddem fis-servizz/settur pubbliku.
Id-dati ta' kull fażi huma:
Fażi 1: 10 ta' Lulju 2023 – 4 ta' Awwissu 2023
Fażi 2: 16 ta' Awwissu 2023 – 12 ta' Settembru 2023
L-istudenti se jkunu allokati f'ministeri u f'dipartimenti fis-servizz pubbliku kif ukoll f'entitajiet pubbliċi.
Studenti li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea għandhom jiċċekkjaw jekk għadhomx bżonn ta' permess tax-xogħol biex jaħdmu f'Malta. Dawn l-istudenti għandhom itellgħu kopja tal-permess tax-xogħol mal-applikazzjoni tagħhom.
Studenti full-time li qegħdin jistudjaw f'livell post-sekondarju, vokazzjonali jew terzjarju, u li mhumiex eliġibbli għall-istipendji, għandhom itellgħu dokumenti bħala prova li qegħdin jistudjaw. Dan jinkludi kopja scanned tal-Ittra ta' Aċċettazzjoni jew Ittra ta' Reġistrazzjoni għas-sena akkademika 2022-2023, u kopji riċenti tal-Lista tal-Impjiegi maħruġa minn Jobsplus.
L-istudenti li se jiġu ngaġġati għall-perjodu tas-sajf se jirċievu salarju ta' €7.27 fis-siegħa li huwa s-salarju bażiku ta' skala 16 tas-servizz pubbliku. L-istudenti huma intitolati wkoll għal leave u sick leave fuq bażi pro rata, kif ukoll għal bonus u l-income supplement.
Other Press Releases:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939