STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Inwettqu Flimkien: Nassiguraw ħarsien aħjar fid-djar tal-anzjani
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela nieda abbozz ta' liġi msejjaħ l-Att dwar l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani għal konsultazzjoni pubblika. Permezz ta' dan l-abbozz, ser titwaqqaf awtorità li se tirregola s-servizzi pprovduti lill-anzjani li jinkludu servizzi residenzjali, servizzi komunitarji, servizzi ta' respite, fost l-oħrajn.
Il-Ministru Abela spjega li ġie deċiż li x-xogħol li kienet tesegwixxi s-Social Care Standards Authority jinqasam f'żewġ awtoritajiet. Waħda minnhom tkun speċifikament iffukata fuq l-istandards tal-ħarsien u s-servizzi kollha immirati għall-anzjani, filwaqt li l-awtorità l-oħra tieħu ħsieb l-istandards u s-servizzi relatati mat-tfal. Din tal-aħħar tkun taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-ministeru li taħtu jaqgħu d-drittijiet tat-tfal.
L-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani se jkollha tliet funzjonijiet ewlenin: it-twaqqif ta' standards; liċenzjar ta' servizzi u spezzjonijiet. Din l-awtorità ser tagħti wkoll l-opportunità lill-professjonisti li jaħdmu f'dan is-settur biex ikunu jistgħu jispeċjalizzaw u jiffukaw aktar fuq dan il-qasam.
“Il-gvern kommess li jassigura servizzi ta' saħħa u ħarsien soċjali lill-anzjani. Dawn is-servizzi għandhom ikunu siguri, effettivi u ta' livell għoli. L-għan aħħari hu li l-anzjani jingħataw servizz tal-ogħla kwalità," qal il-Ministru Abela.
Huwa kkonkluda li l-awtorità se tiżgura li tkun qed tingħata kura ta' kwalità għolja lill-anzjani meta jużaw is-servizzi pprovduti lilhom. Qed jiġi propost ukoll li jinżamm reġistru li fih jitniżżlu l-ismijiet ta' dawk ikkundannati mill-Qorti għal reati marbuta mal-abbuż tal-anzjani.
Kull min hu interessat jista' jibgħat il-kummenti tiegħu fuq mfaa@gov.mt sa mhux aktar tard mill-21 ta' April 2023.
Other Press Releases:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939