Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Fi Brussell ġie diskuss il-kunċett ta’ assistenti personali għal persuni b’diżabilità

pr230453
Date Icon 27/03/2023

Fi Brussell, delegazzjoni mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur immexxija mill-Ministru Julia Farrugia Portelli, kellha taħdidiet uffiċjali mal-European Network of Independent Living (ENIL).

Il-laqgħa ffukat fuq il-miżura tal-Baġit 2023 fejn il-gvern se jkun qed jinvesti €4.2 miljun fuq il-kunċett ta' assistenti personali u Independent Community Living biex aktar persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom. Din il-laqgħa hija l-ewwel pass biex matul din is-sena tiġi ffinalizzata r-riforma tal-assistenti personali skont il-linji gwida tal-European Network for Independent Living.

Matul din il-laqgħa, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-għan tal-gvern huwa li jkompli jirriforma u jsaħħaħ is-sistema tas-servizzi offruti lil persuni b'diżabilità. Dan sabiex il-persuna b'diżabilità mhux biss tkun fiċ-ċentru tas-servizz iżda tkun fuq quddiem fit-tfassil u t-tħaddim tas-servizz.

Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li permezz ta' din ir-riforma l-pajjiż mhux biss se jkun qiegħed isaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b'diżabilità iżda se jkun qed ikompli jimplimenta l-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità tal-Nazzjonijiet Magħquda (UNCRPD). Din hi l-akbar għodda fejn persuna li tkun tixtieq tibqa' tgħix f'darha b'mod indipendenti tkun tista' tagħmel dan.

Kamil Goungor u Nadia Hadad mill-ENIL iddiskutew l-aħjar prattiċi għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-Assistenza Personali f'konformità mal-UNCRPD.  Huma enfasizzaw fuq il-ħafna benefiċċji tas-sistemi ta' assistenza personali, inkluż żieda fl-indipendenza, appoġġ personalizzat, titjib fil-produttività, aktar inklużjoni soċjali, piż imnaqqas fuq min jieħu ħsiebhom, aktar aċċess għall-edukazzjoni u l-impjieg, u titjib fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-persuni b'diżabilità. Huma faħħru l-impenn ta' Malta fl-introduzzjoni ta' din l-iskema ta' assistenti personali kif ukoll dwar il-proċess li tiġi introdotta liġi li tipprovdi rikonoxximent legali u protezzjoni għall-assistenza personali.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna ddeskriva l-laqgħa bħala waħda produttiva. “F'din il-laqgħa komplejna mhux biss insaħħu r-relazzjoni ma' għaqda Ewropeja b'saħħitha fis-settur tad-diżabilità, iżda wkoll komplejna nitgħallmu iżjed rigward dak li għandna bżonn biex insaħħu s-servizz tal-assistenti personali f' pajjiżna," qal is-Sur Scicluna.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Għaqdiet tal-Persuni b'Diżabilità (MFOPD), Marthese Mugliette, li tirrappreżenta 38 NGO fis-settur tad-diżabilità, faħħret l-impenn tal-gvern fl-introduzzjoni ta' din l-iskema tal-assistenti personali. Semmiet kif skemi bħal dawn jgħinu aktar persuni b'diżabilità jilħqu l-potenzjal tagħhom.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Fi Brussell ġie diskuss il-kunċett ta’ assistenti personali għal persuni b’diżabilità
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Żjara fuq il-lant ta’ proġett ta’ 55 unit residenzjali ġdid f’Ħaż-Żebbuġ għal familji vulnerabbli

PR261940

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti

PR261939

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...

Aktar Stqarrijiet Right arrow