STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI: Il-kanzunetta ‘Sabiħa’ tirbaħ it-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika
It-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika ntemmet b’suċċess wara tliet iljieli spettakolari ta’ mużika Maltija. Din is-sena l-festival Mużika Mużika kellu total ta’ madwar 300,000 telespettatur fuq medda ta’ tliet serati, u madwar 6,500 ruħ li kienu preżenti fis-sala. Fis-serata tal-finali tas-Sibt 25 ta’ Marzu, tħabbar li l-kanzunetta ‘Sabiħa’ interpretata minn Gianluca Bezzina, fuq mużika ta’ Philip Vella u lirika ta’ Joe Julian Farrugia, rebħet it-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika.
Il-kanzunetta ‘Jekk Mhux Int’ interpretata minn Drakard u Lisa Gauci, b’lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u b’kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar ikklassifikat fit-tieni post, u l-kanzunetta ‘M’hawnx Bħalek’, interpretata minn Jasmine Abela, b’lirika ta’ Philip Vella u b’mużika ta’ Glen Vella, ikklassifikat git-tielet post. Waqt il-festival ġew rikonoxxuti wkoll il-Maestro Ryan Paul Abela għall-Aqwa Arranġament Mużikali u l-kantanta Jasmine Abela għall-Aqwa Interpretazzjoni.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-festival Mużika Mużika jiċċelebra s-sbuħija tal-lingwa Maltija. Il-Ministru Bonnici esprima l-gratitudni tiegħu lil kull min kien involut biex jagħmel dan l-avveniment esperjenza indimentikabbli u faħħar partikularment lil min kiseb suċċess f’din l-edizzjoni.
“Aħna determinati li nkomplu nibnu fuq dawn il-kisbiet biex nagħtu lill-familji Maltin u Għawdxin legat straordinarju waqt li nsaħħu l-opportunitajiet lill-artisti u lill-kompożituri tagħna”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li huwa sodisfatt immens bis-suċċess kbir li l-festival irnexxielu jikseb. “Għal darb’oħra, Festivals Malta reġa’ ssupera kull aspettattiva. Rajna produzzjoni tal-ogħla livell, li ma setgħetx tkun possibbli mingħajr il-ħaddiema ħabrieka ta’ Festivals Malta, it-tim tat-tekniċi, il-kollaboraturi u l-artisti li ħadmu qatigħ għal diversi xhur biex dan il-festival jkun ta’ suċċess. Kommessi li bħala l-aġenzija nazzjonali tal-festivals nibqgħu ngħollu l-livell tal-festivals u l-avvenimenti tagħna biex ta’ kull sena nilħqu miri ġodda. Issa jmiss li tissokta l-ħidma għall-festivals tas-sajf li ġej fejn ser ikollna kalendarju mżewwaq li żgur ser jolqot il-gosti ta’ kulħadd.”
“Permezz ta’ Mużika Mużika, Festivals Malta qed jinvesti fil-patrimonju Malti billi ta’ kull sena jżewwaq ir-repertorju tal-mużika Maltija b’kontribut ta’ 20 kanzunetta ġdida. Dan jagħmilni tassew kburija għax Festivals Malta qed ikun ambaxxatur tal-lingwa tant sabiħa tagħna. Nixtieq nirringrazzja lil kull min b’xi mod jew ieħor ikkontribwixxa f’dan il-festival”, qalet il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala.
Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja qal, “Bħal kull sena, il-livell tal-kanzunetti kien wieħed fenominali. L-impenn u l-professjonalità tal-artisti, tal-kompożituri u tal-awturi deher biċ-ċar tul dawn it-tlett ijiem tal-festival. It-talent Malti huwa verament b’saħħtu, u għandna tassew biex inkunu kburin.”
“Tul dawn it-tlett ijiem rajna spettaklu mill-isbaħ. L-istandard qed ikompli jiżdied ta’ kull sena u ma nistax inkun aktar kburi bil-kantanti, bil-kompożituri u bl-awturi ta’ din is-sena u bit-talent kbir tagħhom. Nawgura lill-artisti kollha speċjalment lir-rebbieħ. Ma fadal xejn ħlief li nistenna bil-ħerqa għall-edizzjoni li jmiss, li żgur se tkun waħda fenomenali,” ikkonkluda d-Direttur Artistiku Paul Abela.
Festivals Malta, flimkien mal-bord ta’ Mużika Mużika u mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, jirringrazzjaw lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu involuti f’din il-produzzjoni u jesprimu l-gratitudni tagħhom lejn il-pubbliku Malti li jissapportja dan il-festival.
Il-kanzunetti rebbieħa huma:
L-EWWEL POST:
Kanzunetta: SABIĦA
Kantant: Gianluca Bezzina
Kompożitur: Philip Vella
Awtur: Joe Julian Farrugia
Premju Monetarju*: €20,000
IT-TIENI POST:
Kanzunetta: JEKK MHUX INT
Kantant: Drakard and Lisa Gauci
Kompożitur: Cyprian Cassar
Awtur: Emil Calleja Bayliss
Premju Monetarju*: €10,000
IT-TIELET POST:
Kanzunetta: M’HAWNX BĦALEK
Kantant: Jasmine
Kompożitur: Glen Vella
Awtur: Philip Vella
Premju Monetarju*: €5,000
L-AĦJAR ARRANĠAMENT MUŻIKALI:
Kanzunetta: FUQ PULTRUNA
Arranġament: Ryan Paul Abela
Kantant: Mark Micallef Costa
Kompożitur: Mark Micallef Costa
Awtur: Mark Micallef Costa
L-AĦJAR INTERPRETAZZJONI:
Kanzunetta: M’HAWNX BĦALEK
Kantant: Jasmine
Kompożitur: Glen Vella
Awtur: Philip Vella
*Il-premjijiet monetarji ser jiġu ppreżentati f’ċerimonja separata aktar ’il quddiem.
Stqarrijiet Oħra:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939