STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Inwettqu Flimkien: Inawgurat l-akbar investiment fil-Forzi Armati ta’ Malta, il-bastiment P71
Ġie inawgurat il-bastiment tal-Forzi Armati, il-P71, li ser jagħti kapaċitajiet ġodda u aħjar lill-Forzi Armati ta' Malta. Il-P71 issa hija l-akbar opra tal-baħar tal-iskwadra marittima b'tul ta' 75 metru u toqol ta' 2,200 tunnellata.
L-inawgurazzjoni tal-P71 saret mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, fil-bażi militari tal-iskwadra marittima tal-Forzi Armati, f'Xatt it-Tiben.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Clinton O'Neill u kif ukoll rappreżentanti mill-uffiċċju tekniku Spanjol Cintranaval Ship Design u l-kumpanija Taljana Cantiera Navale Vittoria li bniet dan il-bastiment.
L-għan ta' dan il-proġett hu li jitkompla t-tisħiħ tal-fergħa navali tal-Forzi Armati Maltin kif ukoll biex tissaħħaħ l-għassa mal-fruntieri marittimi Maltin għal ħinijiet twal, filwaqt li jkun hemm kapaċitajiet aħjar għall-protezzjoni tal-fruntiera Maltija.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li dan l-akbar investiment tal-Forzi Armati hu turija tar-rieda tal-gvern li jinvesti fil-qasam tas-sigurtà f'pajjiżna u hija wegħda elettorali oħra li twettqet. Il-bastiment ser ikollu ekwipaġġ ta' 40 persuna u se jkun kbir biżżejjed biex jakkomoda mal-20 suldat ieħor f'każ ta' operazzjonijiet barra minn xtutna.
“Dan se jkompli jkun gvern li se jkun ta' spalla għal Forzi Armati u l-kumplament tal-forzi dixxiplinati. Tant li din is-sena se jissokta l-investiment biex is-suldati tagħna mhux biss ikollhom għodod moderni u tal-ogħla livell iżda se nsaħħu aktar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom," temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri qal li permezz tal-fondi Ewropej, mil-lum pajjiżna se jkun f'pożizzjoni aħjar biex jiddefendi l-ibħra territorjali tiegħu. “Dan kien proġett ewlieni mill-Fond għas-Sigurtà Interna 2014-2020. Aktar fondi se jkunu qed jintużaw fi proġetti speċifiċi mal-Forzi Armati ta' Malta mill-programm ta' fondi li nedejna din is-sena, bil-għan li jkollna mhux biss l-aħjar tagħmir biex ngħassu l-kosta tagħna, iżda wkoll bi programmi ta' taħriġ għall-Forzi Armati tagħna," qal il-Ministru Silvio Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-P71 hija investiment ta' aktar minn €53 miljun, parzjalment iffinanzjata minn Fondi Ewropej, mill-Fond għas-Sigurtà Interna – Fruntieri u Viżi. “Mill-programmi operattivi l-ġodda se ninvestu mal-€128 miljun biex inkomplu nsaħħu s-sigurtà taċ-ċittadini u l-fruntieri. Fondi li se jibbenefikaw minnhom il-Forzi Armati ta' Malta biex twettaq proġetti ġodda fosthom ħolqien ta' sistema biex nissorveljaw l-kosta tagħna bit-titjib tal-Marine Patrol u l-Fixed Wing Aircraft tal-Forzi Armati," qal is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.
Il-Brigadier Clinton O'Neill qal li ċ-ċerimonja tal-lum hi simbolu tal-ġenerazzjoni ġdida u moderna tal-għodda provduta lill-uffiċjali tal-Forzi Armati ta' Malta kif ukoll hija parti mill-pjan strateġiku fit-tul sabiex tiġi mmodernizzata l-armata.
Other Press Releases:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939