STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Flotta ġdida ta’ ambulanzi għall-Isptar Mater Dei
Is-servizz tal-ambulanzi tal-Isptar Mater Dei se jkompli jitjieb permezz tal-ingaġġ ta' 11-il ambulanza ġdida li kienu inawgurati mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien ma' Dr Michael Spiteri, il-Clinical Chairperson tal-Emerġenza.
Dawn l-ambulanzi, li nġiebu mill-Ġermanja u huma mgħammra bl-aħħar teknoloġija, jeċċedu l-istandards kollha tal-industrija fejn tidħol is-sigurtà u n-numru ta' trattamenti li jistgħu jiġu offruti, se jintużaw għall-għaxar snin li ġejjin għall-emerġenzi mediċi ta' pajjiżna. Id-Deputat Prim Ministru spjega li dawn l-ambulanzi huma mgħammra b'automated external cardiac massage, automated external defibrillators, live patient telemetry systems, ventilaturi u live video streaming, fost tagħmir ieħor li se jtejjeb l-esperjenza tal-ħaddiema kif ukoll tal-pazjenti li jagħmlu użu mis-servizz.
“Illum nistgħu ngħidu li l-ambulanzi tagħna huma mobile ITUs", qal id-Deputat Prim Ministru filwaqt li spjega kif dawn l-ambulanzi saħansitra jippermettu li l-ispeċjalisti jaraw is-sitwazzjoni tal-pazjent u jidderieġu lill-ħaddiema tal-ambulanza sakemm jaslu l-Isptar Mater Dei.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq li minkejja li diġà qed ikun offrut servizz ta' eċċellenza, dan id-dipartiment mistenni jkompli jikber sabiex jiżdiedu s-servizzi mogħtija lill-pażjenti fl-Emerġenza fi żmien iqsar. Fakkar li dan l-investiment se jingħaqad mal-katina ta' proġetti ġodda mnedija fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-isptar fl-aħħar xhur, li jinkludu l-112 Emergency Command Center ġdid u s-servizz tar-rapid response vehicles.
Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Emerġenza tax-xogħol eċċezzjonali tagħhom.
Tissokta l-kampanja tal-booster tal-vaċċin tal-COVID-19
Fl-istess konferenza tal-aħabarijiet, id-Deputat Prim Ministru spjega li sa issa 38% tal-popolazzjoni rċeviet id-doża tal-booster. Huwa ħabbar li min-nhar it-Tnejn, 20 ta' Diċembru 2021, residenti Maltin li għandhom 'il fuq minn 35 sena u li ilhom iżjed minn 4 xhur li ħadu l-aħħar doża tal-vaċċin, jistgħu japplikaw għall-appuntament tal-booster fuq is-sit vaccin.gov.mt.
“Għalkemm iż-żewġ dożi tal-vaċċin ipproteġewna kontra l-varjant Delta, għall-Omicron se jkollna bżonn il-booster", saħaq Chris Fearne.
Spjega li fuq parir tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, persuni li rċevew it-tilqima tal-Johnson & Johnson se jkunu qed jingħataw it-tieni doża tal-istess ditta, li se taħdem bħala booster. Għal dan il-grupp ta' persuni, li għandhom 'il fuq minn 35 sena u li ilhom xahrejn li tlaqqmu, se jintbagħtu l-appuntamenti permezz ta' messaġġ mingħajr il-bżonn li japplikaw għat-tieni doża huma stess. Huwa spjega li persuni ta' 'l fuq minn 50 sena li ħadu l-ewwel doza tal-Johnson & Johnson u li diġà tlaqqmu b'booster ta' ditta oħra, mhumiex se jirċievu doża oħra.
Jibdew jintbagħtu inviti lit-tfal kollha ta' bejn il-5 u l-11-il sena
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fakkar li l-parir tal-pedjatri huwa li t-tfal jieħdu ż-żewġ dożi tal-vaċċin kontra l-COVID-19 u li għalhekk, minn għada, it-tfal kollha ta' bejn il-5 u l-11-il sena se jkunu qed jirċievu ittra d-dar b'appuntament.
Stqarrijiet Oħra:
PR261953en
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...
PR261953