Left arrow Mur Lura

IT-TNIĠĠIŻ MILL-ĦSEJJES HUWA T-TIENI L-AKBAR PROBLEMA FL-UNJONI EWROPEJA WARA T-TNIĠĠIŻ TAL-ARJA U LI WKOLL JOLQOT ĦAŻIN LIS-SAĦĦA TAĊ-ĊITTADINI – IL-MINISTRU LEO BRINCAT

pr2525
Date Icon 14/11/2013

Meta kien qiegħed jindirizza seminar organizzat mill-GWU dwar it-tniġġiż mill-ħsejjes il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li  dan il-Gvern, li dejjem poġġa s-saħħa ambjentali fuq l-aġenda tiegħu kemm mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni kif ukoll fil-Manifest Elettorali  u jssa fil-Baġit 2014,  għandu d-dmir u l-obbligu li jara li l-problema tat-tniġġiż mill-ħsejjes tingħata l-prijorità li jixirqilha.

Il-Gvern huwa impenjat li tul is-sena finanzjarja li ġejja mhux biss ifassal leġiżlazzjoni dwar it-tniġġiż mill-ħsejjes iżda jara wkoll li din titressaq fil-Parlament.

Il-Ministru Leo Brincat qal li għalkemm kien hemm min xtaq li l-Gvern jadotta kelma b’kelma dak li kienet ħejjiet l-amministrazzjoni ta’ qabel f’dan ir-rigward u li jżda tħalla fuq l-ixkaffa, dan il-Gvern ser jagħti ħarsa ħolistika lejn dak kollu tajjeb li sar s’issa fl-istess ħin li jssir konsultazzjoni wiesgħa qabel jilleġiżla.

Il-Gvern qal Leo Brincat mhux biss bi ħsiebu jisma’ u jagħti importanza xierqa lil dak li għandhom x’jgħidu l-għaqdiet ambjentali, iżda wkoll se jisma’ stakeholders oħrajn bħal trade unions li għandhom rwol importanti f’dan il-qasam, speċjalment minħabba l-ħidma ta’ ħafna membri minn tagħhom f’zoni industrijali li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem.

Il-Ministru Brincat faħħar lill-GWU talli dejjem tkun fuq quddiem b’inizjattivi bħal dan is-seminar. Qal kif żmien ilu kienu fost l-ewwel nies li organizzaw konferenza interessanti ħafna dwar l-ekonomija l-ħadra u jssa qed jagħtu għarfien xieraq dwar din il-problema, li tolqot direttament liċ-ċittadini ta’ kull eta’, sess u mezz finanzjarju, indipendentement fejn jgħixu, kif jgħixu u kif jaqilgħu l-għixien tagħhom.

Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex mhux biss jiflu l-istudji tal-Unjoni Ewropeja dwar dan is-suġġett iżda wkoll li jħarsu lejn studji aktar fil-fond li saru mill-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-WHO li juru ċar x’effetti negattivi dan it-tip tat-tniġġiż jista’ jkollu fuq saħħet il-bniedem. 

Kompla jgħid li l-interess tal-Gvern mhuwiex biss li jilleġiżla jżda wkoll li jfassal liġi prattika li tista’ tiġi implimentata mingħajr burokrazija żejda jew xkiel żejjed.

Il-Ministru Brincat qal li jmur kontra kull loġika li qasam importanti bħal dan jibqa jiġi regolat minn għadd ta’ Ministeri f’daqqa, xi ħaġa li tgħamilha saħansitra aktar diffiċli biex anke r-regolamenti eżistenti jiġu nfurzati.

Bħala Gvern qal il-Ministru Brincat li huwa kommess li jnaqqas u mhux iżid il-burokrazija ser jara li dan il-proċess jiġi simplifikat f’mod li  l-liġi tkun tista’ titħaddem mingħajr wisq problemi. 

Saħaq ukoll għall-aktar speċjalizazzjoni f’dan il-qasam, għaliex pajjiżna għad għandu nuqqas serju ta’ nies speċjalizzati f’dan il-qasam vitali għas-saħħa ambjentali f’pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

PR262038

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  Malta ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċentru ta’ kooperazzjoni turistika fil-Mediterran

PR262037

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Malta ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow