MALTA TIPPROPONI L-ĦOLQIEN TA’ ĊENTRU TA’ EĊĊELLENZA GĦALL-PAJJŻI Ż-ŻGĦAR TAL-COMMONWEALTH
Matul il-laqgħat li qiegħdin isiru tal-Mexxejja tal-Pajjiżi tal-Commonwealth fi Sri Lanka, Malta ssuġġeriet it-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Istati Żghar tal-Commonwealth.
Wara li din l-idea ġiet imressqa fil-laqgħa tal-Uffiċċjali Għolja, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George W. Vella tkellem fuq din il-proposta u ppropona t-twaqqif ta’ dan iċ-Ċentru matul il-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li ssir bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat li ssir wara.
Il-Ministru Vella fakkar li fi ħdan il-Commonwealth il-maġġoranza tal-pajjiżi huma pajjiżi żgħar, jiġifieri b’ popolazzjoni ta’ anqas minn nofs miljun. Il-Ministru Vella fakkar kif ħafna rapporti tac-CHOGM jittrattaw problemi differenti li jolqtu ’l-pajjiżi ż-żgħar, bħal problemi finanzjarji, problemi ambjentali u problemi politici.
Huwa qal li pajjiżi żgħar huma vulnerabbli għal ħafna fatturi li minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż jistgħu jegħlbu s-sigurtà u l-istabiltà tieghu. Irrimarka li pajjiżi żgħar għandhom resistenza limitata u mhux faċli li jirkupraw malajr wara li jintlaqtu minn saram. Aktar ma pajjiż ikun żgħir, aktar ikun vulnerabbli. Il-Ministru Vella qal li waqt li nitkellmu ħafna fuq forom differenti ta’ vulnerabilità, kollox fl-aħħar mill-aħħar jiddependi fuq kemm aħna lesti li nagħmlu monitoraġġ u evalwazzjoni tas-sitwazzjoni biex inkunu kapaċi nikkwantifikaw bl-eżatt dak li jkun irid isir.
Il-Ministru saħaq li dan il-proċess ma jistax isir biċċa biċċa imma jrid jinvolvi proċess ħolistiku, li jeżamina l-istampa u l-fatturi kontributorji kollha u mhux biss aspett wieħed tas-sitwazzjoni. Meta ppropona li l-Kumitat tal-Ministri Barranin jaqblu mal-proposta ta’ Malta li jitwaqqaf Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Istati Żgħar, spjega li dan iċ-Ċentru jkun jista’ jagħmel dan l-eżami ħolistiku f’post wieħed, irrispettivament fejn ikun jinstab dak il-pajjiż żgħir li jkollu problema.
Il-Ministru Vella qal li qegħdin nagħmlu din il-proposta għaliex aħna stess pajjiż żgħir u allura nafu x’jigifieri tkun pajjiż żgħir, u ukoll għaliex Malta issa ilha snin fuq quddiem fl-istudji dwar il-kunċett tal-vulnerabilità. Aħna nafu xi jfisser li taqdef għal rasek, u kif bħala pajjiż żgħir irridu niffaċċjaw l-isfidi differenti li l-pajjiżi ż-żgħar jiltaqgħu magħhom f’din id-dinja aktar u aktar globalizzata.
Il-Ministru Vella fakkar li Malta ilha żmien tagħti kontribut mhux żgħir fi ħdan il-Commonwealth. Il-Ministru Vella ppropona li dan iċ-Ċentru jkun f’Malta u jkollu l-għan li jservi l-interessi ta’ dawk l-istati żgħar kollha li jkunu jridu jagħmlu użu mir-riżorsi u r-riċerka li jkollu għad-diżpożizzjoni tiegħu.
Il-Ministru fakkar li l-għan ta’ dan iċ-Ċentru jkun li jilqa’ kontra l-inkwiet li jkun ġej, qabel is-sitwazzjoni tiħzien għall-aħħar. Il-Ministru ta r-raġunijiet għaliex Malta għandha l-kredenzjali kollha biex tiġi fdata bit-tmexxija ta’ dan iċ-Ċentru, qal li Malta lesta tikkontribwixxi infrastruttura u staff għal dan il-għan. Il-Ministru Vella qal li Ċentru bħal dan li qiegħda tipproponi Malta jsaħħaħ aktar l-aġenda globali għall-istati żgħar, li sa issa ma ngħatawx l-attenzjoni kollha li jixirqilhom.
Fl-aħħar nett, il-Ministru qal li għal Malta, dan ikun kontribut ieħor li pajjiżna jkun qiegħed jagħmel biex isaħħaħ dak li jorbot lill-pajjiżi tal-Commonwealth flimkien, u anke jkun turija ta’ rispett lejn il-valuri u l-għanijiet li tħaddan din l-għaqda tan-Nazzjonijiet magħrufa bħala CHOGM.
Stqarrijiet Oħra:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037