Left arrow Mur Lura

IMNEDIJA L-ISKEMA ĦAXIX U FROTT FL-ISKEJJEL - TIŻDIED L-ALLOKAZZJONI GĦAL DIN L-ISKEMA

pr2520
Date Icon 13/11/2013

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, l-Onor. Roderick Galdes, dalgħodu nieda l-iskema ta’ Frott u Ħaxix fl-Iskejjel għas-sena Skolastika 2013-2014. L-iskema ġiet mnedija permezz ta’ żjara fil-Kulleġġ San Injazju – Skola Primarja San Ġorġ Qormi.



Waqt din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari Galdes iltaqa’ mat-tmexxija tal-iskola, kif ukoll mat-tfal fil-klassijiet tagħhom. L-Onor Galdes qassam kotba tat-tpinġija u lunchboxes lit-tfal tal-Kindergarten u l-Ewwel Sena, bħala parti mit-tnedija ta’ din l-iskema. Dawn il-kotba ta’ tpinġija u lunchboxes ser ikunu qed jitqassmu lit-tfal kollha li jattendu l-Kindergarten u l-Ewwel Sena Primarja.



Fid-diskors tiegħu, Galdes qal li f’din l-iskema qed jipparteċipaw madwar 31,000 student jew 95% tal-popolazzjoni studenteska. Hu żied jgħid li din is-sena qed tipparteċipa 139 skola, jew 99% tal-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti. Is-Segretarju Parlamentari Galdes fakkar kif din l-iskema, li hi ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, qiegħda tiġi implimentata fl-iskejjel Primarji kollha ta’ Malta.



Sostna li l-iskema hi mmirata għat-tfal kollha mill-Kindergarten sas-Sitt Sena. It-tqassim ta’ frott u Ħaxix fl-iskejjel isir darba fil-ġimgħa fl-iskejjel kollha. L-Onor. Galdes qal ukoll li għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, l-allokazzjoni minima ta’ Malta ser tiżdied b’€115,000 għal total ta’ €290,000. Din iż-żieda t’għajnuna mill-Unjoni Ewropea, flimkien mal-għajnuna li joħroġ il-Gvern, ser tkompli tgħin sabiex din l-iskema ta’ Frott u Ħaxix fl-Iskejjel tikber permezz ta’ iktar investiment fiha. Temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lit-tfal jieklu iktar frott u ħaxix u awguralhom tas-sehem tagħhom f’din it-tnedija.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

PR262038

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  Malta ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċentru ta’ kooperazzjoni turistika fil-Mediterran

PR262037

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Malta ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow