IMNIEDI L-PJAN GĦAT-TRAFFIKU U TRASPORT
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi qal li l-problema ta’ traffiku hija waħda mill-akbar sfidi li qed jiffaċċja pajjiżna sena wara sena, u li ilha toħloq problemi kbar ta’ parkeġġ u konġestjoni f’toroq arterjali li m’għadhomx limitati biss għal ċerti ħinijiet, iżda mifruxa matul il-ġurnata.
Huwa qal li kif il-Partit Laburista wiegħed qabel l-Elezzjoni Ġenerali, qed jagħti prijorità lill-problema ta’ traffiku, li qed taffettwa l-kwalità ta’ ħajja tal-familji u tan-negozji u tħalli impatt fuq il-produttività tal-pajjiż, iżda min-naħa l-oħra fakkar li wieħed ma jistax jippretendi li fi tmien xhur isir dak li ma sarx f’dawn l-aħħar 20 sena. Qal li kollox irid isir bi pjan u bi studji bir-reqqa għax kulħadd jaf li meta l-affarijiet saru bl-għaġġla, l-iżbalji kienu kbar. Żied jgħid li hekk kif inbidlet l-amministrazzjoni, mill-ewwel ħa passi u beda jaħdem fuq pjan nazzjonali dwar l-immaniġġjar tat-traffiku.
Matul konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Malta aktar ġusta, Malta aktar b’saħħitha,” il-Ministru Joe Mizzi ħabbar li nbeda studju dwar il-ħolqien ta’ Strateġija Nazzjonali għat-Trasport. Dan l-istudju jidentifika l-istrateġija għall-implimentazzjoni ta’ National Transport Policy għall-10 snin li ġejjin.
Barra minn hekk, id-Dipartiment tas-Sigurtà fit-Toroq u l-Immaniġġjar tat-Traffiku ta’ Transport Malta għamel analiżi fuq dawk iż-żoni fejn l-aktar ikun hemm konġestjoni biex jinħoloq pjan short-term li jindirizza l-kjuwijiet li jakkumulaw fil-peak hours, bħal Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid, Vjal Sir Paul Boffa, ir-roundabout tal-Airport, ir-roundabout ta’ Naxxar Road bejn Birkirkara u Ħal Lija, il-junction ta’ fejn hemm it-traffic lights ta’ Mdina Road, ir-roundabout ta’ Triq Manuel Dimech Ħal Qormi, Tal-Balal f’San Ġwann u Paceville, fost oħrajn. Hawnhekk qed jittieħdu diversi miżuri, fosthom disinji ġodda li jgħinu fl-andament tat-traffiku, sinjali ġodda tat-traffiku biex jgħinu lis-sewwieqa u bdil fil-ħinijiet ta’ traffic lights biex it-traffiku jimxi aħjar.
Il-Ministru ħabbar ukoll li qed tingħata prijorità fuq il-proġett tal-fly-over tal-Kappara, proġett li kien ilu fuq il-karti mill-1996 iżda ma mmaterjalizza qatt. Min-naħa l-oħra, miexi b’rittmu tajjeb il-proġett ta’ under-pass fi Triq Diċembru 13, il-Marsa, waqt li qed isiru disinji għal proġett ieħor għan-naħa t’isfel ta’ Malta, proġett b’kunċetti ġodda għall-pajjiż fl-inħawi tal-Addolorata, il-Marsa.
Id f’id mal-kwistjoni tat-traffiku, żied jgħid il-Ministru, hemm dik tal-parkeġġ, fejn matul dawn l-aħħar xhur, saret ħidma fuq pjan komprensiv dwar il-parkeġġ fiż-żoni differenti tal-pajjiż, liema studju wasal fl-istadju finali. Fakkar ukoll fil-ħinijiet tas-CVA li ġew riveduti kif imwiegħed.
Trasport pubbliku
Il-Ministru fakkar li l-aspettattivi li ħoloq Gvern preċedenti dwar is-servizz tat-trasport pubbliku kienu għoljin, saru ħafna żbalji u r-riforma li saret ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq u ma ħallietx ir-riżultat mixtieq. Il-poplu jixraqlu aħjar, żied jgħid u għalhekk, fil-bidu tal-leġiżlatura, il-Ministru beda b’konsultazzjonijiet mal-pubbliku u l-Kunsilli Lokali li ressqu s-suġġerimenti tagħhom. Din kienet konsulenza li għaliha ma tħallas xejn, mhux kif għamel Gvern preċedenti li nefaq kważi 900,000 ewro. Il-Gvern daħal ukoll f’diskussjonijiet intensivi mal-operatur tat-trasport pubbliku, li issa waslu fi stadju finali.
“Fiduċjużi li b’din il-ħidma li qed inwettqu, se naslu biex nagħtu lill-pubbliku servizz ta’ trasport li jixraqlu. B’hekk, naslu għall-ewwel pass biex ikollna anqas vetturi fit-toroq li jfisser inqas konġestjoni fit-traffiku, inqas inċidenti u inqas tniġġiż fl-arja, temm jgħid il-Ministru Joe Mizzi.
Other Press Releases:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037