STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KULTURA U L-GVERN LOKALI
Fi stqarrija konġunta bejn il-Ministru Karmenu Vella u s-Segretarju Parlamentari Josè Herrera qed jiġi ppreċiżat li l-Gvern għadu kommess li jwaqqaf Gallerija Nazzjonali tal-Arti skont kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali. Dan iservi wkoll bħala vetrina nazzjonali ta’ ħafna xogħlijiet ta’ artisti Maltin li s’issa sfortuntatement ftit li xejn setgħu jiġu apprezzati mill-pubbliku u mit-turisti li jżuruna.
Qabel jieħu d-deċiżjoni ta’ fejn dan il-proġett jista’ jitwettaq, il-Gvern jidhirlu li għandu jikkonsidra għadd ta’ siti oħra li jistgħu ikunu idonji biex il-legat kulturali artistiku ta’ pajjiżna jkun aktar aċċessibli.
F’dan il-proċess il-Gvern kommess illi jisma’ aktar milli jitkellem u jistudja kwalunkwe possibilità li jista’ jkun hemm biex ġaladarba jsir qbil dwar dan il-proġett ikun tabilħaqq il-proġett tal-artisti li din il-leġislatura kif marbuta bil-mandat tagħha ser tkun qed tagħti.
Sadanittant irid jingħad li l-Gvern, kif wera fl-aħħar budget, qed jagħti prijorità lill-kultura f’pajjiżna tant li l-vot għall-kultura f’pajjiżna żdied b’madwar 1.6 miljun ewro. Dan, apparti l-bosta inizjattivi ġodda li tħabbru mill-Gvern fil-budget għas-sena d-dieħla f’bosta oqsma tal-kultura.
Other Press Releases:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037