Left arrow Go Back

​L-AMBJENT: HUWA U JIBQA’ PRIJORITÀ BIL-FATTI GĦALL-GVERN FIL-LEĠIŻLATURA KOLLHA MINGĦAJR ĦTIEĠA TA’ TAXXI AMBJENTALI ĠODDA

pr2510
Date Icon 12/11/2013

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li l-ambjent huwa u jibqa’ prijorità bil-fatti għall-Gvern fil-leġiżlatura kollha.

L-ambjent mhux biss ingħata attenzjoni speċjali fil-Manifest Elettorali, li llum huwa l-programm ta’ ħidma tal-Gvern, iżda wkoll fl-ewwel budget ta’ dan il-Gvern, u bl-istess mod ser jiġri fir-riforma imminenti tal-MEPA bis-separazzjoni taż-żewġ entitajiet.

Il-Ministru Leo Brincat qal dan meta dalgħodu indirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Aktar B’Saħħitha,  Malta Aktar Ġusta.

Il-Ministru Brincat ħabbar li għadu kif tħejja l-qafas tal-abbozz ta’ liġi li tipprovdi biex l-ambjent ikollu focus speċjali fir-riforma tal-MEPA.

Għal dan il-Gvern qal il-Ministru, l-ambjent huwa prijorità mingħajr ħtieġa ta’ taxxi ambjentali ġodda.

Filwaqt li saret akkuża infondata li dan il-Gvern qiegħed jaħbi taxxi ġodda fil-qasam ambjentali, il-Ministru Brincat kien f’pożizzjoni li jikkonferma li kien propju l-Gvern ta’ qabel li kien ħejja pjan fuq firxa ta’ snin biex idaħħal taxxi ambjentali fl-oqsma kollha relatati mal-iskart.

Dwar ir-ristrutturar tal-WasteServ il-Ministru Leo Brincat spjega li dan diġà beda jagħti l-frott tiegħu. Wara li ġew kumissjonati għadd ta’ studji indipendenti li ġew miflija mill-bord tad-Diretturi, diġà tfassal pjan ta’ ħidma li qiegħed jitwettaq. Fosthom ħolqien ta’ strutturi ġodda li għandhom iwasslu għal kontabilità akbar fit-tmexxija tal-kumpanija li ser tiżgura tmexxija aktar b’saħħitha. 

Il-Ministru spjega li fil-WasteServ instab kif proġetti li ġew approvati mill-amministrazzjoni l-oħra minkejja li ntefqu eluf kbar ta’ ewro għal konsulenzi fuqhom, l-proġetti waqgħu lura u nqabeż b’mod sostanzjali l-budget allokat għalihom. Dan apparti l-fatt li l-WasteServ qatt ma kellha business plan.

Il-kwalità tal-arja u s-saħħa ambjentali huma fuq quddiem nett fil-ħidma kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Aġenzija l-ġdida dwar l-Ambjent u r-Riżorsi, b’sinerġija ma’ dawk il-Ministeri u entitajiet l-oħra kollha direttament marbutin ma’ dawn is-setturi.

Il-Ministru Leo Brincat qal li biex jgħinu f’dawn l-oqsma li huma vitali għall-kwalità ta’ ħajja aħjar,  il-Gvern ser jistieden lill-NGOs biex jagħtu l-proposti konkreti tagħhom dwar kif dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu fl-iqsar żmien.

Il-Ministru qal li huwa ta’ sodisfazzjon li wara li fl-imgħoddi lanqas ġie ivvutat ewro wieħed biex Gvern jaħdem favur l-ekonomija l-ħadra u l-iżvilupp sostenibbli, il-budget ippreżentat jipprovdi l-mezzi biex jistgħu jitfasslu strateġiji f’dan ir-rigward. Spjega li l-mira tal-Gvern hija li tul is-sena d-dieħla jitfassal u jibda jitwettaq pjan t’azzjoni f’dan ir-rigward, b’ħidma bejn il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.  It-tħejjijiet li qed isiru f’pajjiżna favur l-ekonomja l-ħadra ngħataw prominenza fuq is-sit elettroniku tal-United Nations Environment Programme, l-UNEP.

Dwar il-Pjan għall-Immaniġġjar tal-Iskart il-Ministru Leo Brincat qal li meta dan jiġi finalizzat mhux biss ser isir moniteraġġ tiegħu b’mod kontinwu u reviżjoni tiegħu kull tliet snin, iżda wkoll ser tiġi mnedija kampanja ta’ informazzjoni u edukazzjoni fost faxex differenti tas-soċjetà ħalli kulħadd jagħti s-sehem tiegħu biex dan jissarraf f’titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.

Sabiex inkomplu nqarrbu liċ-ċittadini għat-tgawdija tal-ambjent mhux biss ser tissaħħaħ l-ħidma f’parks bħal Park tal-Majjistral u l-Park tal-Familja, iżda l-budget jipprovdi wkoll għall-proġett pilota ntiż biex iħaddar u jsebbaħ l-komunitajiet b’mod partikulari żoni urbani. Il-Kunsilli Lokali konċernati ser jiġu involuti f’dan. Jekk il-proġett pilota jirnexxi ‘l quddiem jinfirex fil-ġżejjer Maltin.

Il-Gvern qed jimpenja ruħu li s-sena li ġejja jgħaddi leġiżlazzjoni mill-Parlament dwar it-tibdil fil-klima u t-tniġġiż mill-ħsejjes. Il-Ministru Brincat qal li fiż-żewġ każi ser jara li qabel xejn ikun hemm konsultazzjoni wiesgħa mal-korpi kostitwiti, l-NGOs u mas-soċjetà ċivili.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

PR262038

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  Malta ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċentru ta’ kooperazzjoni turistika fil-Mediterran

PR262037

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Malta ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċ...

More Press Releases Right arrow