Il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u t-tluq bikri mill-iskola diskussi f’seminar tal-MEUSAC
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) organizza t-tielet seminar minn serje ta’ erbgħa bit-tema, ‘L-Ewropa: Il-Ħruġ mill-Kriżi’.
Is-seminar ittratta s-suġġett tax-xogħol u l-edukazzjoni, u ffoka fuq ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta u fuq il-miri nazzjonali f’dawn l-oqsma.
Fl-introduzzjoni għas-seminar, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, is-Sur Martin Bugelli qal li dan il-programm ta’ seminars huwa mportanti għax kull seminar qed jiffoka fuq settur partikolari u għalhekk qed ikun hemm iċ-ċans ta’ diskussjoni fid-dettal u lok għal proposti konkreti għal soluzzjonijiet.
Is-Sur Clyde Caruana, Chairperson tal-Jobs+ fl-Active Labour Market Policy Counselling fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol tkellem dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal Malta fl-edukazzjoni u x-xogħol.
Huwa qal li Malta qed tintalab tieħu passi biex titnaqqas ir-rata għolja ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni u biex ikollna sistema edukattiva li taqbel ma’ dak li qed jitlob is-suq tax-xogħol. Ma’ dan, Malta għandha tipprovdi aktar ċentri ta’ ħarsien għat-tfal sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
Is-Sur Caruana qal li d-domanda għall-ħarsien tat-tfal mistennija tiżdied bi 30.3%. Is-Sur Caruana qal li s-servizz tal-ħarsien tat-tfal bla ħlas iżid is-sigħat ta’ xogħol bi 325,841 siegħa fis-sena, li huwa l-ekwivalenti ta’ 173 xogħol full time. Is-Sur Caruana ddiskuta wkoll il-problema tal-produttività u qal li r-rata ta’ produttività f’Malta ma tirriflettix ir-rata ta’ persuni attivi fis-suq tax-xogħol.
Is-Sur Joseph Farrugia, Direttur Ġenerali tal-Malta Employers’ Association (MEA) qal li minkejja indikaturi meqjusa negattivi, il-bidla qed isseħħ, u r-rata ta’ nisa attivi fis-suq tax-xogħol hija ferm akbar minn 26% li kienet fl-1990. Huwa qal ukoll li l-parteċipazzjoni tan-nisa ta’ bejn il-25 u t-30 sena fis-suq tax-xogħol hija ta’ 75%, meta l-medja fl-UE hija ta’ 66%.
Fost il-proposti mressqa mis-Sur Farrugia kien hemm l-introduzzjoni ta’ prattiċi tipiċi ta’ xogħol, titjib fl-infrastruttura f’setturi bħat-trasport pubbliku, u miżuri li jinkoraġġixxu l-preżenza fuq il-post tax-xogħol bħal provediment ta’ childcare flok l-assenza b’mizuri bħal parental leave estiż. Huwa qal ukoll li n-nisa għandhom ikunu inkoraġġiti biex joħorġu mill-ekonomija informali u jidħlu f’dik formali.
Fis-seminar tkellem ukoll is-Sur Simon Schembri, Youth Worker fil-Kulleġġ Santa Margerita u Kordinatur tal-Grupp Żgħażagħ tal-Kottonera, li ttratta l-problemi li jsibu ż-żgħażagħ fl-edukazzjoni u meta jiġu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u kif dawn jistgħu jiġu mgħejjuna jagħmlu l-aħjar għażliet.
Is-seminar kien jinkludi żewġ workshops li minnhom ħarġu diversi punti interessanti. Fost l-oħrajn, mill-workshop dwar l-edukazzjoni ħareġ dan li ġej: l-importanza li għandha tingħata lill-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ; l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet għal tfal li ma jiffittjawx fis-sistema edukattiva standard; il-bżonn li ż-żgħażagħ jiġu mħarrġa biex ikollhom aktar fiduċja fihom infushom; bżonn ta’ aktar servizzi ta’ sapport għal tfal minn ambjenti diffiċli; u aktar opportunitajiet ta’ apprentistat u taħriġ.
Fil-workshop dwar ix-xogħol issemmew diversi fatturi li jaffettwaw il-parteċipazzjoni tal-mara fid-dinja tax-xogħol u x’jista’ jsir f’dan ir-rigward, fosthom: użu akbar u aċċessibilità miż-żewġ sessi għal prattiċi ta’ xogħol flessibbli bħal teleworking; jiġi rikonoxxut il-potenzjal ta’ persuni ta’ ’l fuq minn 40 sena; aktar taħriġ u sintonija bejn x’jistenna min jimpjega u x’jistenna min se jibda jaħdem; strutturi ta’ appoġġ għal ġenituri ta’ tfal b’dizabilità; u ċentri ta’ħarsien tat-tfal ta’ kwalità li jikkumplimentaw lill-iskejjel u lill-ġenituri.
Fid-diskors tal-għeluq, il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, tkellem dwar kif l-organizzazzjoni ta’ dawn is-seminars hu parti mill-ħidma tal-MEUSAC biex ikompli jinvolvi setturi varji f’diskussjoni dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea ‘Ewropa 2020’ u kif f’Malta qegħdin nindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ din l-istrateġija biex nilħqu l-miri tagħha.
L-aħħar mis-sensiela ta’ seminars bit-tema ‘L-Ewropa: Il-Ħruġ mill-Kriżi’ se jsir nhar il-Ħamis 5 ta’ Diċembru u s-suġġett se jkun l-Infrastruttura u l-Enerġija. Dawn is-seminars huma parti minn proġett tal-MEUSAC li huwa finanzjat mill-UE taħt il-Management Partnership bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-MEUSAC.
Stqarrijiet Oħra:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037