STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għandu jagħti spjegazzjoni lill-familji Maltin u Għawdxin.
Teżisti differenza ċara bejn il-Gvern u l-Oppozizzjoni fil-qasam tal-Enerġija. Filwaqt li l-gvern preżenti għandu pjan ċar u fattibbli, maħsub u eżaminat sew minn qabel l-elezzjoni, joħroġ ċar li l-Oppozizzjoni qatt ma kellha pjan maħsub għal qasam daqshekk importanti.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Konrad Mizzi irrefera għall-wegħda li kienet saret qabel l-elezzjoni mill-Oppożizzjoni ta’ roħs fil-ħinijiet ta’ bejn l-għaxra ta’ bil-lejl u s-sitta ta’ filgħodu.
Il-Ministru Mizzi żvela email li turi kif b’paniku kbir u ftit wara li ħarġet il-proposta tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Ministeru tal-Finanzi qabbad lil min jeżamina l-possibilita ta’ night tariffs.
Minn email mibgħuta mill-konsulenti tal-gvern preċedenti lill-Ministeru tal-Finanzi, joħroġ ċar kif il-gvern preċedenti kien jaf li bejn l-għaxra ta’ filghaxija u nofs il-lejl, ma kienx vijabbli li joffri tariffa mraħħsa u ftit li xejn kien se jkun hemm xi benefiċċju għall-konsumaturi.
F’din l-email kien anke rakommandat mill-esperti li l-ħin ta’ bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u nofsillejl, jitneħħa minn Night Tariff proprju ghaliex ma kienx possibbli li jkun hemm roħs f’dawn il-ħinijiet.
Tant li l-istudju li sar ħares lejn it-tariffa ta’ bil-lejl minn nofs il-lejl sas-sitta ta’ filghodu u lanqas biss ikkunsidra l-ħin ta’ bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u nofs il-lejl bħala night tariff.
Dan huwa każ ċar fejn l-Oppozizzjoni qabel l-elezzjoni ġenerali daħqet bil-familji Maltin u Għawdxin għaliex wegħdet proposta li kienet taf li ma setghetx issir.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-Gvern Nazzjonalista dak iż-żmien kien anke atribbwixxa dan ir-roħs mal-fatt li l-interconnector kellu jkun lest fil-bidu tas-sena d-dieħla meta l-anqas il-permessi ma’ kellhom għalih. Aktar min hekk kienu qed jatribwixxu dan ir-roħs għal fatt li l-ismart meters kellhom ikunu mifruxa fid-djar kollha meta sa Marzu kien hemm biss 44,000 smart meter attivat.
Dan kollu juri biċ-ċar li l-oppożizzjoni qatt ma kellha pjan serju għar-roħs.
Huwa propju għalhekk li l-gvern issa qed jistenna spjegazzjoni mingħand il-kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil li mhux biss kiteb il-manifest elettorali tal-Partit tiegħu iżda kien ukoll Viċi Kap ta’ Partit li mbotta l’quddiem din il-wegħda meta jaf li ma kinitx possibli.
Huwa biss grazzi għall-pjan ċar ta’ dan il-gvern li se jkun qed isir roħs fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma permezz tal-miżura mħabbra fil-Budget.
Stqarrijiet Oħra:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037