PASS STORIKU LEJN BIDLA STORIKA – L-HON. JOSE’ HERRERA
“Agħtu demm ġdid lill-Kunsilli Lokali. Semmgħu l-vuċi ta’ żgħażagħ bħalkom. Kunu parti minn dan il-proċess storiku li se jwassal għall-pass naturali li jmiss”. Sostna dan is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera hekk kif illum ħabbar l-ismijiet tal-ambaxxaturi lokali li wara l-20 ta’ Novembru se jpoġġu madwar il-mejda tal-kunsill.
B’56 ambaxxtur lokali diġà maħtura, Herrera appella lit-tnax–il kunsill lokali ieħor li għadhom ma sabux l-ambaxxatur tagħhom ħalli jagħmlu dan sal-20 ta’ Novembru.
“Jonqos 12 –il lokalità oħra li għadhom ma ħatrux l-ambaxxatur tagħhom. Nifhem li dan żgur ma kienx tort tagħhom u jien se nkun qed ngħinhom sabiex inwassal il-messaġġ fil-lokalità tagħhom ħalli jersqu ’l quddiem żgħażagħ ta’ din l-età biex ikunu l-ambaxxaturi lokali”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Herrera qal li tlieta u erbgħin fil-mija tal-ambaxxaturi magħżula fit-58 Kunsilli Lokali huma tfajliet. Fil-fatt l-ambaxxaturi maħtura sa issa huwa maqsuma hekk:
· 24 tfajla u
· 32 guvni
Is-Segretarju Parlamentari appella liż-żgħażagħ biex waqt il-laqgħat tal-Kunsill jitkellmu mill-perspettiva taż-żgħażagħ u jagħtu demm ġdid lill-Kunsilli Lokali. “U hawn indur fuq is-sindki u l-kunsilliera diġà eletti. Ħallu lil dawn iż-żgħażagħ jesprimu l-opinjoni tagħhom. Ħudu kont ta’ dak li qed jgħidu. Emmnu fil-vuċi tagħhom bħal ma jien qed nemmen fil-kapaċitajiet tagħhom. L-eżempju ta’ dawn iż-żgħażagħ se jkun il-pedament għal snin twal ta’ parteċipazzjoni miż-żgħażagħ fil-politika”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Dawn l-ambaxxaturi Lokali li nhatru f’laqgħa straodinarja se jkunu qed jakkumpanjaw lis-Segretarju Parlamentari biex fl-20 ta’ Novembru jippreżenta fil-Parlament emenda storika li permezz tagħha, għal-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjizna, l-età tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se tinżel għal 16–il sena.
“B’din l-emenda u b’dan il-proċess storiku għall-bidla storika, Malta se tkun it-tieni pajjiz fl-Unjoni Ewropea, wara l-Awstrija, li se tagħti dan id-dritt”, qal Herrera.
Herrera qal li dan se jkun ir-rigal li din l-amministrazzjoni qed tagħti lill-Kunsilli Lokali fl-okkażjoni tal-20 anniversarju. Fil-fatt waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari qal li bl-attività tal-lum l-Gvern qed jagħti bidu għall-programm sħiħ t’attivitajiet.
“L-attività tal-lum qed tagħti bidu għal programm t’attivitajiet li se nkunu qed norganizzaw fl-20 anniversarju. Anniversarju importanti li se nfakruh mhux biss bil-kisbiet li ghamilna imma b’parteċipazzjoni ħafna aktar wiesgħa ta’ żagħżagħ fil-lokalitajiet tagħna. Għalhekk ġejt illum, maż-żgħażagħ u sindki, biex fl-okkażżjoni tal-20 anniversaju nibgħat messaġġ ċar li jien jinteressani mill-preżent u l-futur tal-kunsilli lokali f’Malta u f’Għawdex”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Herrera ħabbar li fil-jiem li ġejjin l-ambaxxaturi żgħażagħ se jintalbu jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni tal-kariga.
Il-Konferenza tal-Aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni David Aguis u ċ-chariperson tal-Kumitat Vot 16 Michael Cohen.
Cohen saħaq li s-sucċċss ta’ dalgħodu huwa frott ta’ ħidma kollettiva li wettaq il-Kumitat Vot 16 matul dawn l-aħħar sitt xhur. “Kien pass għaqli li l-Onor. Herrera iddeċieda li jwaqqaf dan il-Kumitat fejn fih hemm ir-rappreżentanti kollha taż-żgħażagħ inkluż il-gvern u l-oppożizzjoni”, tenna Michael Cohen.
Għamlu l-interventi tagħhom ukoll filgħodu l-ambaxxtur fil-Kunsill Lokali ta’ Bormla Georvin Bugeja u l-ambaxxatrici fil-Kunsill Lokali ta’ Kerċem Sara Sciberras. Georvin Bugeja qal li dan huwa l-ewwel sinjal ta’ fiduċja li qed tagħti l-amministrazzjoni f’żgħażagħ bħalu. Sara Sciberras qalet li huma ż-żgħażagħ għandhom l-ideat, id-dehen u l-ħsibijiet biex iwasslu l-vuċi ta’ żgħażagħ bħalhom fil-Kunsilli Lokali.
Diskors:
pr2491a.pdf
Other Press Releases:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037