Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU L-ONOR. KARMENU VELLA JIPPARTEĊIPA F’SUMMIT TAL-MINISTRI GĦAT-TURIŻMU TAL-UNWTO U WORLD TRAVEL MARKET

pr2486
Date Icon 08/11/2013

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bi stand promozzjonali dwar il-gżejjer Maltin  fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-World Travel Market f’Londra.


Aktar kmieni din il-ġimgħa delegazzjoni mill-Ministeru għat-Turiżmu u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu mmexxija mill-Ministru Karmenu Vella attendiet għall-World Travel Market f’Londra.

Fost l-oħrajn il-Ministru Karmenu Vella pparteċipa f’summit tal-Ministri għat-Turiżmu organizzat mill-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu (UNWTO) bis-sehem ta’ diversi pajjiżi fosthom Ministri mill-Portugall, ir-Russja, Spanja, il-Filippini, il-Marokk, il-Messiku, u l-Lebanon, flimkien ma’ rappreżentanti mis-settur privat minn madwar id-dinja.

Is-summit iddiskuta temi kruċjali relatati mat-trasport bl-ajru u policies fis-settur tat-turiżmu li jinkludu l-qafas regolatorji eżistenti, tassazzjoni u l-mod kif il-qasam tal-ivvjaġġar jista’ jkun iffaċilitat. Il-Ministri għat-Turiżmu qablu li għandu jkun hemm koordinazzjoni akbar fejn tidħol politika fit-turiżmu u l-avjazzjoni li tiggarantixxi tkabbir sostenibbli fiż-żewġ setturi.

Sadanittant, il-Ministru Karmenu Vella kellu wkoll diversi laqgħat ma’ operaturi ewlenin tal-ivvjaġġar għal Malta fir-Renju Unit kif ukoll ma’ linji tal-ajru li digà jtiru lejn Malta flimkien ma’ oħrajn li se jibdew is-servizz tagħhom lejn pajjiżna.

Fost l-oħrajn kienu diskussa r-riżultati rekord li kisbet Malta fis-settur turistiku matul din is-sena flimkien ma’ pjani ġodda għall-2014 sabiex dawn ir-riżultati mill-aktar pożittivi jkomplu jissaħħu b’mod partikolari fix-xhur tax-xitwa.

Id-delegazzjoni Maltija attendiet ukoll għal riċeviment fil-Malta House f’Londra li kien ospitat mill-Kummissarju Għoli Ingliż Norman Hamilton.

Meqjusa bħala waħda mill-akbar fieri tal-ivvjaġġar fl-Ewropa, huwa stmat li l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-World Travel Market se tkun rat żieda ta’ 5% fl-attendenza, bl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tkun waħda fost aktar minn 5,000 esebitur tal-ivvjaġġar minn 184 pajjiż u reġjun differenti.

Mifrux fuq 150 metru kwadru ta’ spazju, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tellgħet stand promozzjonali b’disinn innovattiv dwar il-gżejjer Maltin bis-sehem tal-Ministeru għat-Turiżmu, l-Air Malta u ta’ bosta lukandi, agenziji tal-ivvjaġġar u ta’ operaturi fis-settur turistiku. Kien servut ukoll ikel tradizzjonali Malti. L-istand kien jinkludi wkoll spazju separat għall-promozzjoni t’Għawdex bis-sehem tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija.

Jakkumpanjaw il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella kien hemm ukoll fost l-oħrajn iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia u l-Kap Eżekuttiv Josef Formosa Gauci.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

PR262038

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  Malta ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċentru ta’ kooperazzjoni turistika fil-Mediterran

PR262037

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Malta ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow