STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA
Baġit immirat għall-familji u l-vulnerabbli
Il-Baġit ippreżentat mill-Gvern għas-sena d-dieħla huwa immirat biex iħalli aktar flus fil-but lill-familji u jattakka l-faqar li għolla rasu f’dawn l-aħħar snin. Sostniet dan il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali l-Onor. Marie-Louise Coleiro Preca meta flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva l-Onor. Franco Mercieca indirizzat konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta aktar b’saħħitha, Malta aktar ġusta’.
Il-Ministru Coleiro Preca spjegat kif minn Marzu li ġej, il-Gvern se jwettaq il-wegħda li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’medja ta’ 25% u 5% rispettivament. Żiedet tgħid li ma’ dan ir-roħs il-Gvern se jivvota €4.3 miljun biex familji vulnerabbli jibqgħu jieħdu l-benefiċċju tal-enerġija. Spjegat kif għal kontra ta’ dak li kien isir qabel, mis-sena d-dieħla, il-benefiċċju se jibda jinqata’ direttament mill-kont u b’hekk tiġi salvagwardjata d-dinjita’ tal-familji vulnerabbli li ma jkollhomx bżonn imorru jsarrfu l-voucher tal-benefiċċju.
Il-Ministru Coleiro Preca semmiet ukoll kif il-pensjonati se jibdew jirċievu b’mod sħiħ iż-żieda tal-għoli tal-ħajja ma’ kull ċekk tal-pensjoni.
L-Onor. Coleiro Preca qalet li bħala parti mill-politika soċjali integrata li qed tinbena, il-Baġit isemmi l-ħolqien taċ-Ċentri ta’ Riżorsi għall-Familja li se jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej permezz tal-proġett LEAP. Hija semmiet numru oħra ta’ miżuri li jippremjaw il-bżulija fosthom inċentivi lis-single parents biex jitħarrġu u l-għoti ta’ pensjoni sħiħa lir-romol.
Fis-settur tat-tfal spjegat kif il-Gvern se jibda proġett maħsub biex aħwa li ma jkunux jistgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom ma jiġux mifruda iżjed.
Fir-rigward tal-qasam tad-diżabbiltà, is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Franco Mercieca qal li dan il-Gvern żied il-baġit allokat lill-Aġenzija Sapport bi kważi €2 miljun. Qal li din iż-żieda tirrifletti l-impenn tal-Gvern biex insaħħu s-servizzi offruti lill-persuni b’diżabilità.
Qal ukoll li l-Gvern se jkun qiegħed jinvesti mal-€400,000 biex issir il-manutenzjoni fid-djar residenzjali għall-persuni b’diżabilità. Fl-istess waqt qal li l-Gvern se jkun qiegħed jinvesti mal-€400,000 oħra biex jiġu estiżi s-servizzi residenzjali.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dawn huma l-ewwel passi konkreti li ħa l-Gvern biex nibnu l-proġett Soċjetà Ġusta fejn se nkunu qed noffru serħan tal-moħħ lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità la darba jiġu nieqsa. F’dan ir-rigward semma l-ħidma li qed issir biex jitfasslu standards għal dawn id-djar biex ma jsirux l-istess żbalji li twettqu mill-amministrazzjoni preċedenti fejn infetħu djar bla ma kienu stabbiliti dawn l-istandards.
L-Onor. Mercieca semma wkoll iż-żieda ta’ 200 post għall-persuni b’diżabilità fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u t-tneħħija tat-taxxa tat-trasferiment tal-proprjetà lill-persuni b’diżabilità.
“Għandna impenn biex fi żmien ftit xhur ikollna l-Guardianship Board jaħdem. Dan apparti li żiedna l-allowance għall-persuni b’diżabilità għall-kważi b’€200 fis-sena,” qal l-Onor. Mercieca.
Dwar il-qasam tal-anzjani, Franco Mercieca qal li hemm sfidi kbar u kien għalhekk li l-Gvern żied il-baġit allokat għal dan il-qasam bi kważi €4 miljun għal investiment totali ta’ €67 miljun. Spjega kif il-Gvern se jkun qed isaħħaħ is-servizz tal-home help, tat-Telecare u tal-Meals on Wheels biex nilħqu aktar nies b’servizz aħjar u ta’ kwalità.
Huwa semma wkoll il-ħidma li saret fl-aħħar seba’ xhur biex tfasslet il-Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva u kif din se tiġi mnedija fil-ġimgħat li ġejjin. Qal li din se twassal biex jiġu estiżi ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum billi jinfetħu tnejn oħra fil-Birgu u Ħal Balzan.
L-Onor. Mercieca elenka wkoll ix-xogħol ta’ tisbiħ li se jsir f’żewġ swali ewlenin fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul wara t-telqa li tħallew fiha mill-amministrazzjoni preċedenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037