- “IL-QASAM TAD-DIŻABILITÀ HUWA DOVER TAL-GVERN”- “DISGĦA MINN KULL GĦAXAR FAMILJI SE JIFFRANKAW TERZ MILL-KONT TAD-DAWL U TAL-ILMA” – IL-PRIM MINISTRU
It-tisħiħ fil-qasam soċjali permezz tal-miżuri mħabbra fil-Baġit reġa’ ssemma mill-Prim Ministru Joseph Muscat li kompla biż-żjarat tiegħu fost familji Maltin biex jisma’ r-reazzjonijiet tagħhom għall-Baġit u jelabora fuq l-istrateġija tal-Gvern fejn tidħol għajnuna finanzjarja lill-familji.
F’Marsaxlokk, waqt laqgħa ma’ familja b’persuna bi bżonnijiet speċjali, Dr. Muscat qal li bil-Baġit, il-postijiet fid-day centres se jiżdiedu minn 400 għal 600 – miżura li tinvolvi investiment ta’ €900,000.
Semma kif l-allowance tad-diżabilità tat-tfal se togħla għal €20 fil-ġimgħa. Qal li għalkemm iż-żieda tidher li mhux daqstant kbira, xorta hija pass sinifikanti ’l quddiem.
Fakkar li bil-Baġit tneħħiet it-taxxa tas-suċċessjoni fuq wirt imħolli lil persuni bi bżonnijiet speċjali.
Il-Prim Ministru wera solidarjetà mal-ġenituri mħassbin dwar il-futur ta’ wliedhom ladarba huma jiġu neqsin. Dr. Muscat qal li l-mira għall-futur hija li forsi anke f’ħajjithom, jirnexxielhom jaraw lill-uliedhom li jbatu b’diżabilità jgħixu f’residenzi żgħar fil-komunità. Qal li l-qasam tad-diżabilità mhux biss hu priorità għall-Gvern iżda wkoll dover.
Fi żjara għand familja oħra, il-Prim Ministru semma’ l-inċentivi għan-nisa u ommijiet li jaħdmu, u l-benefiċċji li jistgħu iwasslu biex koppja tiffranka mit-tnaqqis fit-taxxa u jibqgħalha aktar flus fl-idejn.
Dan se jiġri żgur bit-tnaqqis fir-rati tad-dawl u ilma li bħala medja hu ta’ 25%. Kważi disgħa minn kull għaxar familji Maltin ser jiffrankaw mat-30%.
Other Press Releases:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037