IL-MINISTRU LEO BRINCAT F’LAQGĦA MAL-MCESD DWAR L-ABBOZZ TAL-PJAN GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART
Wasal il-mument li ċertu drawwiet antikwati fl-immaniġġjar tal-iskart jinbidlu ħalli l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tmur għall-aħjar. Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta dalgħodu ndirizza l-MCESD li ddiskuta l-abbozz tal-Pjan għall-Immaniġġjar tal-Iskart 2013- 2020.
Il-Ministru Leo Brincat fakkar li dan l-abbozz ser jibqa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika sal-Ġimgħa 22 ta’ Novembru u stieden lill-membri kollha tal-MCESD biex iressqu l-proposti formali tagħhom lit-tim tekniku, fid-dawl ta’ dak li qed jiġi suġġerit mill-istess Project Team li ħejja l-abbozz.
Qal li ġaladarba jiġi approvat il-Pjan għall-Immaniġġjar tal-Iskart iċ-ċavetta għas-suċċess tiegħu huwa kemm ser tittieħed bis-serjeta’ l-kwistjoni tas-separazzjoni tal-iskart.
Spjega li fil-jiem li ġejjin huwa ser jiltaqa’ mal-Kunsilli Lokali f’seminar apposta ħalli jara kif il-bidliet proposti jistgħu jitwettqu fl-aktar mod ġust u effiċjenti.
Qal li japprezza l-fatt liż-żewġ movimenti politiċi l-oħra fil-pajjiż mal-ewwel stqarrew pubblikament li jaqblu mad-direzzjoni ġenerali tal-abbozz minkejja xi riżervi li jista’ jkollhom fuq id-dettalji.
Il-Ministru Leo Brincat qal li mhuwiex aċċettabli għalih li bosta strutturi qegħdin jissuġġerixxu l-inċinerazzjoni u jiskartaw l-esportazzjoni tal-iskart mingħajr ma jidher li qatt ma saru studji serji bħal cost benefit analysis dwar dawn iż-żewġ għażliet. Qal li filwaqt li jibqa miftuħ li jikkunsidra u jirrakkomanda kwalunkwe għażla, jinħtieġ li qabel xejn studji bħal dawn isiru minn nies verament indipendenti li ma jkollhom ebda interessi personali jew kummerċjali fin-nofs.
Tenna li l-mira tal-Gvern hija li jnaqqas l-użu tal-engineered landfills u mhux li jżid id-dipendenza fuqhom. Minn naħa l-oħra jemmen li mingħajr infurzar serju ħafna miżuri jistgħu jibqgħu biss xewqat sbieħ fuq il-karta.
Il-Ministru Brincat tenna l-istedina tiegħu lis-settur privat biex jressaq proposti konkreti dwar kif jista’ jieħu sehem aktar dirett fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart, inkluż fl-operat tal-WasteServ u speċjalment f’oqsma magħrufa bħala non core operations, xi ħaġa li kien kommess dwarha fuq il-karta anke l-Gvern ta’ qabel.
Other Press Releases:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037