JUM DUN KARM - ŻEWG ATTIVITAJIET F’ĠIEĦ IL-POETA NAZZJONALI
Ottubru huwa marbut mat-twelid u l-mewt tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm. Huwa twieled f’Ħaż-Żebbuġ fit-18 ta’ Ottubru 1871 u miet fit-13 tal-istess xahar ta’ disgħin sena wara.
Fit-18 ta’ Ottubru li ġej il-Kumitat Festi Nazzjonali u d-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni se jtellgħu ċerimonja għat-tfal tal-iskejjel li tfakkar lil dan il-poeta kbir Malti. Iċ-ċerimonja se ssir maġenb il-monument tiegħu fil-Furjana.
L-għodwa tibda b’korteo mill-iskola Primarja tal-Furjana fl-10.15 ta’ filgħodu. Il-korteo jimxi sal-monument, u hemmhekk tibda ċ-ċerimonja li jkun fiha qari ta’ poeżiji mill-istudenti u tqegħid ta’ fjuri mal-monument. Se jsiru diskorsi mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, u mid-Direttur Ġenerali għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, il-Prof. Grace Grima. Il-kantanta Mary Rose Mallia se tkanta xi poeżiji ta’ Dun Karm, bil-mużika oriġinali tal-kompożitur Dominic Galea.
Fl-istess jum, fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija, il-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Akkademja tal-Malti se jtellgħu Lejla Mużiko-Letterarja b’tifkira ta’ nhar twelid Dun Karm. Din se ssir fil-Biblijoteka Nazzjonali, il-Belt Valletta.
F’din il-lejla se jiġu ddrammatizzati xi poeżiji ta’ Dun Karm mill-istudenti ta’ Josette Ciappara. Doreen Galea se tkanta xi poeżiji tiegħu, bil-mużika ta’ Domenic Galea. Il-Professur Oliver Friggieri se jagħmel taħdita fuq Dun Karm.
Il-pubbliku huwa mistieden jattendi għaż-żewġ attivitajiet. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel l-uffiċċju tal-Kumitat Festi Nazzjonali fuq in-numru 21245168 jew jiktbu lil anton.miceli@maltaculture.com
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032