IMNEDIJA L-10 EDIZZJONI TAL-MALTA MILITARY TATTOO
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa tal-Italja, kienet imnedija l-10 edizzjoni tal-Malta Military Tattoo li din is-sena se tkun qed isir bejn it-12 u t-13 t’Ottubru 2013 fl-MFCC f’Ta’ Qali.
F’din l-edizzjoni se jkunu qed jipparteċipaw erba’ Baned Militari barranin li huma n-National Army Cadet Force Band tal-Ingilterra, il-Marktmuskkapelle Gamlitz tal-Awstrija, l-Emerald Isle Irish Dance Team mill-Irlanda u s-Southern Jacobites Pipes and Drums. Ma’ dawn mistennija jingħaqdu l-Precision Drill Team tal-Pulizija flimkien mal-Banda tal-Korp tal-Pulizija, il-Banda tal-Forzi Armati kif ukoll bosta gruppi ta’ Scouts minn diversi lokalitajiet u rħula madwar il-pajjiż.
L-organizzatur ewlieni ta’ din l-attività s-Sur Alfred Busietta semma’ kif matul is-snin li għaddew, il-Malta Military Tattoo dejjem offriet sinerġija sħiħa ta’ talent lokali flimkien ma’ dak barrani, u rnexxielha tibni u tkabbar ir-reputazzjoni tagħha.
Is-Sur Leslie Vella f’isem l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qal li l-Awtorità tappoġġja attivitajiet ta’ din ix-xorta hekk kif dawn jgħinu biex pajjiżna jkun imfittex aktar f’dan il-perjodu ta’ staġjonalità għat-turiżmu Malti. Dan apparti l-fatt li jgħinu biex ikompli jikber il-kalendarju kulturali tagħna.
Fin-nuqqas tal-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella li ma setax jattendi minħabba impenji oħra, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu s-Sur John Borg semma’ kif Ottubru sar xahar sinonimu ma’ din l-attività fejn illum il-Malta Military Tattoo saret meqjusa bħala parti integrali mill-programm kulturali t’attivitajiet li jsiru f’Malta matul is-sena.
Huwa fisser kif din l-attività hija riflessjoni tal-patrimonju mużikali tagħna fejn iġġib fi tmiemu l-istaġun tal-festi u li fih il-baned mużikali jikkontribwixxu bil-kbir għat-tixrid tal-arti mużikali.
Intant l-ispettaklu se jkun jinkludi parati mill-Baned Militari mistiedna flimkien ma’ final bl-esekuzzjoni tal-‘Last Post’. Se jkunu qed jiġu interpretati wkoll is-siltiet ‘Amasing Grace’ bis-sehem tas-Sopran Marita Bezzina flimkien ma’ ‘Music’ bis-sehem tas-Sopran Rosabelle Bianchi.
L-attività tintemm bid-daqq tal-Innu Malti.
Iż-żewġ rappreżentazzjonijijet jibdew fis-6.00 P.M.
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit elettroniku www.maltamilitarytattoo.org
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032