MALTA TIPPROPONI LI L-EPPO JITWAQQAF B'MOD ALTERNATTIV
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja, l-Onor. Owen Bonnici sostna li t-twaqqif ta’ Uffiċċju ta’ Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) huwa żvilupp pożittiv għall-protezzjoni ta’ fondi Ewropej. Biex dan l-EPPO jitwaqqaf b’suċċess, il-Gvern Malti jemmen li għandhom jiġu rispettati s-sistemi legali tal-pajjiżi Membri.
Huwa u jintervjeni waqt laqgħa formali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Ġustizzja), Dr Bonnici sostna li Malta hija fuq quddiem fil-ġlieda kontra frodi fir-rigward ta' interessi finanzjarji Ewropej.
Huwa sostna li l-EPPO jista’ jilħaq l-għan li għalih qed jiġi diskuss li jitwaqqaf, jekk jintuża mudell kulleggjali bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u jiddaħħlu mekkaniżmi legali fl-Istati Membri fejn l-EPPO jkun, pereżempju, jista’ jisfida (challenge procedure) fil-Qorti Nazzjonali deċiżjoni ta’ Stat Membru li ma jieħux passi kontra xi ħadd, bħalma diġà għandna maħsub fil-ligi Maltija. B’dan il-mod jintlaħaq l-istess riżultat b'mod aktar faċli.
Matul il-laqgħa tal-Ministri kienu diversi l-Istati Membri li tkellmu favur mudell kulleġġjali. Il-Kunsill qabel li jissoktaw diskussjonijiet fuq livell tekniku.
Waqt il-Kunsill komplew ukoll id-diskussjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data privata u il-ġlieda kontra l-flus foloz. L-Istati Membri kellhom ukoll laqgħa mal-ministri tal-Istati Msieħba tal-Lvant bhala parti mill-preparamenti għas-summit ta' Vilnius li għalih ser jattendi l-Prim Ministru aktar tard ix-xahar id-dieħel.
Għal-laqgħa formali tal-Ministri tal-Ġustizzja attendiet ukoll ir-Rappreżentanta Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea l-Ambaxxatriċi Marlene Bonnici.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032