ESEBIZZJONI TA’ KAPULAVURI MILL-KNEJJES BELTIN FIL-BERĠA TA’ KASTILJA
Il-Berġa ta’ Kastilja bħalissa qed tilqa’ fiha esebizzjoni ta’ teżori u kapulavuri mill-Knejjes Beltin li tnediet għan-Notte Bianca 2013. Organizzata mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, taħt it-tmexxija tal-kuratur Charles Vella, l-esebizzjoni tesebixxi oġġetti storiċi u artistiċi, uħud minnhom li ħarġu mill-knejjes għall-ewwel darba.
Din l-esebizzjoni rari u unika, f’post prestiġjuż li minnu nnifsu huwa ta’ importanza arkitettonika, tagħti sens ta’ ċiviltà kulturali, reliġjuża u soċjali ta’ pajjiżna billi twassal dak li ħallewlna missirijietna permezz ta’ ġmiel estetiku u artistiku li mhux biss ipaxxi lir-riċerkaturi iżda wkoll lill-poplu ġenerali li jista jgawdi minn din l-esperjenza edukattiva.
L-esebizzjoni tinkludi fost oħrajn kwadru, xogħol ewlieni ta’ Mattia Preti, li qed jiġi esebit għall-ewwel darba fil-pubbliku f’din is-sena li fiha qed niċċelebraw l-erba’ mitt sena mit-twelid tal-artist ċelebri. Għall-ewwel darba wkoll qed jiġu esebiti flimkien żewġ figuri ta’ Appostli maħdumin fil-fidda mal-mudell tagħhom tat-terracotta mill-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu u żewġ anġli tal-bronż ta’ daqs kbir, xogħol tas-seklu 20, mill-Knisja ta’ Santu Wistin.
Mis-Santwarju Bażilika Madonna tal-Karmnu se tkun esebita dik magħrufa bħala l-Madonna tal-Morda mżejna bl-aktar affarijiet prezzjużi u mill-Knisja ta’ Ġieżu nħareġ il-Bambin liturġiku ta’ Malta, xogħol tas-seklu 17 u mżejjen bl-aktar rakkmi sbieħ. Esebiti wkoll statwa ta’ Kristu Rxoxt tal-patrijiet Franġiskani Konventwali, xogħol fl-injam tal-barokk Ruman tas-seklu 17, u għadd ta’ ilbies tal-altar. Oġġetti rari oħra f’din l-esebizzjoni huma l-preżentazzjoni tal-flaġelazzjoni ta’ Kristu ma’ kolonna maħduma fil-fidda, rigal li l-Granmastru Pinto ta lill-Monasteru tas-sorijiet ta’ Sant’ Ursula.
Din l-esebizzjoni, li qed tittella bil-koperazzjoni tal-kappillani u l-arċiprieti tal-knejjes u tal-komunitajiet fil-monasteri u kunventi fil-Belt Valletta, tixhed l-impenn tal-Gvern favur l-għarfien u l-istudju tal-wirt storiku u artistiku ta’ pajjiżna.
L-esebizzjoni, li tinsab fis-Sala tal-Ambaxxaturi tal-Berġa ta’ Kastilja, se tkun miftuħa għall-pubbliku bejn it-Tnejn 7 ta’ Ottubru u l-Ħadd 13 ta’ Ottubru bejn l-10am u s-2pm u l-4pm u s-7pm. Id-dħul għall-esebizzjoni jsir mid-daħla ewlenija tal-Berġa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032