L-ONOR. JOE DEBONO GRECH U L-ONOR. CHARLÒ BONNICI F’MISSJONI TAL-ASSEMBLEA PARLAMENTARI TAL-KUNSILL TAL-EWROPA BIEX TOSSERVA L-ELEZZJONIJIET PRESIDENZJALI FL-AZERBAIJAN
Il-Membri Parlamentari l-Onor. Joe Debono Grech u l-Onor. Charlò Bonnici bħalissa jinsabu f'Baku, l-Azerbaijan bħala parti minn tim ta' osservaturi tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa waqt l-elezzjonijiet presidenzjali fil-pajjiż li se jsiru nhar l-Erbgħa 9 ta' Ottubru. L-Onor. Debono Grech kien ukoll co-rapporteur tar-rapport approvat mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-iżvilupp tas-sistema demokratika f'dan il-pajjiż li ilu membru tal-Kunsill tal-Ewropa sa mill-2001.
L-Onor. Debono Grech u l-Onor. Bonnici, li fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa jirrappreżentaw lill-Partit Soċjalista Ewropew u lill-Partit Popolari Ewropew rispettivament, matul il-ġurnata tal-elezzjoni se jkunu qed jimmoniterjaw l-andament tal-elezzjoni fil-belt ta' Ismayilli li għandha popolazzjoni ta' ftit aktar minn 14-il elf ruħ.
L-Onor. Debono, li huwa Kap tad-Delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, ilu membru ta' din l-assemblea għal dawn l-aħħar 15-il sena.
Il-President attwali tal-pajjiż, Ilham Sliyev, ilu jmexxi l-pajjiż sa mill-2003 fejn reġa' ġie konfermat president fl-2008 u mhemmx limitu għal kemm il-terminu jista' jmexxi lill-pajjiż. Fl-elezzjoni ta' nhar l-Erbgħa se jieħdu sehem 10 kandidati minn partiti differenti, inkluż il-president attwali.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032