STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU
Imnedija l-ewwel wirja artistika fis-serje ArtiMalta dwar il-pajsaġġ Malti
Fil-Berġa tal-Italja lbieraħ kienet inawgurata wirja dwar il-pajsaġġ Malti. Il-wirja bl-isem ta’ ‘Maltese Landscapes’ tikkonsisti fi 48 biċċa tal-arti fuq stili differenti u hija kollha xogħol ta’ diversi artisti Maltin sew stabbiliti u oħrajn ġodda.
Il-pajsaġġ Malti dejjem kien sors t’ispirazzjoni għall-artisti biex jirriproduċuh f’xogħlijiet artistiċi u jinterpretawh. Jibqa’ popolari mal-eluf ta’ turisti li jżuru gżiritna li jfittxu dik ix-xena partikolari li jistgħu jieħdu lura magħhom f’pajjiżhom bħala tifkira. Hija propju din il-memorja li tikkaratterizza l-prodott turistiku tagħna u li bħala pajjiż nistinkaw biex nippreżentaw b’impenn u b’eċċellenza.
Din hija l-ewwel esebizzjonijiet fis-serje ArtiMalta li se tkun qed tittella’ minn Heritage Malta bil-għan li jkunu esposti temi popolari fl-istorja tal-arti Maltija.
F’indirizz qasir waqt it-tnedija tal-wirja, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu is-Sur John Borg qal li l-Gvern huwa kommess li jesebixxi arti moderna Maltija bħala investiment sinifikanti fiċ-ċittadini Maltin u fis-soċjetà inġenerali.
Preżenti kien hemm ukoll iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Joe Buttigieg flimkien mal-Kap Eżekuttiv Kenneth Gambin.
Il-pubbliku se jkun jista’ jżur il-wirja sal-15 t’Ottubru filwaqt li se tkun miftuħa wkoll matul il-jum kollu tal-lum is-Sibt sa tard bil-lejl fl-okkażjoni tal-attività Notte Bianca li se tkun qed tittella’ fil-Belt Valletta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032