L-ISPEAKER ANĠLU FARRUGIA FUQ ŻJARA UFFIĊJALI ĠEWWA FIRENZE
Matul il-ġurnata tal-Ġimgħa 4 ta' Ottubru 2013, l-Ispeaker kellu diversi laqgħat b'rabta mal-ftuħ uffiċjali tal-Associazione per il Commercio Italo Maltese ġewwa Firenze, l-Italja.
Iż-żjara bdiet b’laqgħa ma’ tmien imprendituri Taljani li wrew l-interess tagħhom u l-appoġġ lejn din l-assoċjazzjoni, partikolarment f'dan il-mument kritiku ekonomiku li qed jiffaċċja l-pajjiż. Fosthom saret laqgħa ma’ direttur ta’ New Italian Cinema Events, Viviana del Bianco, li wriet interess f'pajjiżna fil-qasam tal-industrija tal-films.
Aktar tard saret żjara ta' kortesija lill-Prefett ta' Firenze, Luigi Varratta.
Inżammet ukoll laqgħa oħra mal-Presidente del Consiglio della Provincia di Firenze, Andrea Barducci.
Immedjatment wara, l-Ispeaker kellu laqgħa wkoll mal-Vice Presidente del Consiglio Regionale Toscana, Giuliano Fedeli.
L-aħħar laqgħa uffiċjali nżammet fis-sede tal-Kunsill ta’ Firenze ġewwa Palazzo Vecchio fejn ġie milqugħ minn Sarah Biagiotti, Viċi Sindku ta’ Firenze li hija responsabbli mis-setturi tat-turiżmu u żvilupp ekonomiku.
F'dawn il-laqgħat, tqajmu punti relatati mal-qasam turistiku, l-iżvilupp ekonomiku u kummerċjali, u l-possibilità ta' skambju fil-qasam mediku bejn iz-żewġ pajjiżi.
L-Ispeaker enfasizza li trid tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u l-irwol parlamentari f'dan ir-rigward.
Hu enfasizza s-sehem li dejjem kellha l-Italja ma’ pajjiżna biex tieħu qawmien ekonomiku kif ukoll bħala garanzija għan-newtralità ta' Malta mill-bidu nett sal-lum.
Preżenti għall-laqgħat flimkien mal-Ispeaker Malti, l-Onorevoli Anġlu Farrugia, ingħaqdet l-Ambaxxatrici ta' Malta għall-Italja, Vanessa Frazier, l-Onorevoli Riccardo Migliori, il-President tal-Assoċjazzjoni Dr Helga Fiori u s-Segretarju Ġenerali Dr Antonio Pangallo.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032