TITNIEDA KOMPETIZZJONI GĦAT-TFAL FAVUR L-ANNIMALI U JITĦABBAR UKOLL PREMJU LI SER JIBDA JINGĦATA LIT-TFAL KULL SENA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes bħala kommemorazzjoni biex tiġi ċċelebrata “Jum l-Annimali” nieda kompetizzjoni mmirata lejn tfal kemm tal-Primarja kif ukoll għal dawk tas-Sekondarja. Permezz ta’ din il-kampanja, it-tfal ġew imħeġġa biex jagħtu l-ħarsa tagħhom dwar il-qasam tal-ħarsien tal-annimali.
It-tnedija tal-kompetizzjoni saret fl-iskola primarja Santa Margerita ta’ Ħaż-Żabbar. It-tfal tal-Primarja qed jiġu mħeġġa biex jagħmlu disinn ta’ xi jfisser għalihom il-ħarsien u r-rispett tal-annimali. Min-naħa l-oħra l-istudenti tas-Sekondarja dawk mill-Form 1 sal Form 3 iridu jiktbu komponiment ta’ madwar 250 kelma dwar esperjenza ta’ xi annimal li kien qed ibghati sakemm ġie salvat mid-Diparitment tal-Ħarsien tal-Annimali.
It-tfal bl-aħjar tliet disinji u tliet komponimenti se jkunu pprejmati permezz ta’ tablet. Iktar minn hekk, l-aħjar komponimenti se jkunu ppubblikati fi ktieb biex imbagħad jitqassmu fl-iskejjel.
Il-kompetizzjoni hi miftuħa sal-25 ta’ Ottubru 2013 u t-tfal jistgħu jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom fuq welfare.msdec@gov.mt, filwaqt li l-iskejjel jistgħu jikkuntattjaw lil Lorna Schembri fuq lorna.schembri@gov.mt.
Waqt l-istess konferenza stampa, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ħabbar ukoll li fl-iskejjel ser jibda’ jiġi ppremjat l-iktar student li jaħdem favur il-ħarsien tal-annimali. L-istudent se jkun qed jiġi ppremjat waqt il-prize day jew kunċert tal-iskola permezz ta’ shield.
It-tfal tal-iskola Santa Margerita bħala rikonoxximent ta’ dan il-jum ippreżentaw ikel kif ukoll uniformijiet antiki għall-annimali tad-Dipartiment tal-Annimali biex fix-xitwa jkunu jistgħu jorqdu fuqhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032