GRUPP TA’ EX-ATLETI OLIMPIĊI TALJANI F’MALTA
Grupp ta’ ex-atleti olimpiċi Taljani li huma membri fl-Associazione Nazionale Atleti Olimpici e Azzurri d’Italia qed iżuru pajjiżna bħala parti mill-programm tagħhom li permezz ta’ attivitajiet kulturali jxerrdu l-messaġġ tal-importanza tal-isport. Waqt iż-żjara tagħhom kellhom laqgħa ta’ kortesija mas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo kif ukoll mad-Deputat Prim Ministru Louis Grech.
F’diskors qasir tal-okkażjoni s-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li l-politiċi jridu jagħmlu l-ħajja aktar faċli għall-atleti biex waqt li qed jipprattikaw l-isport favorit tagħhom, ikollhom l-opportunità li jkomplu bl-istudji tagħhom biex wara li jtemmu l-karriera sportiva jkun jistgħu jgħixu ħajja diċenti.
Huwa żied jgħid ukoll li l-isport għandu jiġi prattikat minn persuni ta’ kull età għax dan ikun l-akbar investiment fis-soċjetà. Persuni attivi fl-isport ifisser aktar produttività u b’hekk jissarraf f’titjib fil-kompetitività ta’ pajjiżna.
L-Associazione Nazionale Atleti Olimpici e Azzurri d’Italia twaqqfet fl-1948 u tħaddan fiha wkoll ex-atleti. L-għan tagħha huwa li tiġbor flimkien l-interessi tal-atleti u tippromuovi l-ideali u l-valuri tal-isport. L-associazioni għandha anke fond speċjali biex tgħin lill-atleti li jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet. Bħalissa f’Malta qed isiru tħejjijiet biex titwaqqaf assoċjazzjoni simili li tiġbor fiha l-interessi tal-atleti.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032