L-EWWEL LAQGĦA TAT-TASK FORCE DWAR IT-TRASPORT PUBBLIKU
Dalgħodu, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi mexxa l-ewwel laqgħa tat-task force dwar ir-riforma fit-trasport pubbliku. Din it-task force hija komposta minn Austin Gatt, Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni; Carm Mifsud Bonnici, Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern; Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika fl-Uffċċju tal-Prim Ministru, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta. Uffiċjali għolja tal-Pulizija, Transport Malta u Arriva ħadu sehem fil-laqgħa tal-lum.
Matul din il-laqgħa ġie deċiż li t-trasport pubbliku għandu jingħata prijorità fuq it-traffiku l-ieħor waqt ir-rush hour ta’ filgħodu (bejn is-6.30 u d-9.00 am). Din id-deċiżjoni hija konsonanti mal-politika tal-Gvern li jħares l-ambjent billi jippromwovi bidla fil-mod kif isir it-trasport ġewwa pajjiżna. Għalhekk il-Pulizija, flimkien ma’ Transport Malta u l-Forzi Armati, ingħataw struzzjonijiet sabiex wara konsultazzjoni mal-Arriva, iħejju pjan ta’ azzjoni fi żmien ġimgħa kif din id-deċiżjoni se tigi attwata u mmonitorata. Dan il-pjan ta’ azzjoni għandu jinkludi wkoll proposti u analiżi ta’ possibilitajiet ta’ bus priority lanes u miżuri oħra.
It-task force qablet mal-analiżi tal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni li l-kumpanija Arriva għandha ssaħħaħ l-istruttura tal-immaniġġjar tar-rotot. Għalhekk l-Arriva ġiet mitluba sabiex tirrapporta dwar il-miżuri li ser tieħu f’dan ir-rigward kif ukoll miżuri oħra li għandhom inaqqsu l-ħin użat waqt il-vjaġġ sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jaqtgħu l-biljetti tagħhom.
Din it-task force ser terġa’ tiltaqa’ l-ġimgħa d-dieħla.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032