Left arrow Go Back

INAWGURAT IL-PROĠETT TAL-AKKWARJU NAZZJONALI FIL-QAWRA

pr2152
Date Icon 04/10/2013

Mal-20,000 metru kwadru t’art mibdula fi proġett nazzjonali li se jservi t’attrazzjoni oħra turistika

Tard il-Ħamis filgħaxija l-Prim Ministru Dr Joseph Muscat inawgura uffiċjalment il-proġett tal-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra. Il-proġett bi spiża ta’ ftit aktar minn €15-il miljun u nofs huwa meqjus bħala l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fejn jidħol finanzjament hekk kif ġie mfassal fuq il-kunċett ta’ Public Private Partnership bil-għajnuna wkoll ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea.

F’diskors tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat faħħar ix-xogħol li sar fuq il-proġett li tmexxa mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-konsorzju Marine Aquatic Limited.

Il-Prim Ministru qal li dan il-proġett se jservi ta’ kontributur sinifikanti għal turiżmu ta’ kwalità f’pajjiżna. Saħaq li bl-investiment meħtieġ din il-parti ta’ Malta tista’ terġa’ tibda żżid il-profitt nett f’termini ta’ dħul mit-turiżmu.

Huwa tkellem dwar il-mudell finanzjarju użat li se jwassal biex il-gvern ma jkun obbligat joħroġ l-ebda fondi għaż-żamma u l-manutenzjoni tiegħu. Semma’ kif dan mhuwiex mudell daqshekk komuni użat mill-Istati Membri tant li l-Kummissjoni Ewropea użat dan il-proġett f’pajjiżna bħala wieħed pilota. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan huwa l-mod li pajjiżna jrid jimxi bih għal quddiem fis-seba’ snin li ġejjin fejn bl-involviment tas-settur privat pajjiżna juża l-fondi tal-Unjoni Ewropea biex itejjeb il-prodott turistiku tagħha.

Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella semma’ kif minbarra li se jservi t’attrazzjoni turistika, dan il-proġett se jkun qed joħloq numru konsiderevoli ta’ impjiegi, fejn huwa stmat li diġà kienu ngaġġati mal-150 impjegat għat-tmexxija tal-kumpless, filwaqt li mat-300 impjegat kienu involuti fi stadji differenti tal-bini tiegħu.

Il-Ministru Vella spjega li l-proġett kien jinkludi wkoll ir-riġenerazzjoni u l-upgrading ta’ madwar 20,000 metru kwadru ta’ art fil-Qawra li qabel kienet fi stat ta’ telqa. Semma’ wkoll kif dan il-proġett irnexxielu jżid l-ispazji miftuħa għall-pubbliku flimkien ma’ titjib fil-kwalità tal-prodott offrut lit-turist.

Karmenu Vella tkellem ukoll fuq l-aspett edukattiv tal-proġett fejn saħaq li dan se jkun qed iservi biex iqajjem kuxjenza fuq il-bżonn li jkun protett l-ambjent, b’mod partikolari il-ħajja fil-baħar.

Il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta s-Sur Martin Bugelli qal li l-fondi Ewropej jirriflettu l-volontà tal-pajjiżi membri li jiġbru flimkien ir-riżorsi biex jinvestuhom fejn l-aktar meħtieġ b'mod strateġiku. "Proġetti bħal dan mhux bilfors jattiraw biżżejjed kapital mis-settur privat waħdu, u forsi jkun wisq biex ikoprih il-gvern. Bl-appoġġ mill-UE dan il-proġett seta' jitwettaq. Il-benefiċċji diretti jinkludu l-infrastruttura, il-ħolqien tal-impjiegi u ż-żieda fit-turiżmu. Imma hemm ukoll benefiċċji ekonomiċi indiretti li mhux faċli jiġu kkwantifikati". Is-Sur Bugelli qal li permezz tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, jista' jsir investiment skont il-prijoritajiet speċifiċi tal-pajjiżi membri, kif stabbiliti minnhom stess.

Is-Sur Salvu Ellul f’isem il-konsorzju Marine Aquatic Limited qal li minkejja r-riskji kollha li proġett ta’ tip tiegħu kien jinvolvi, dan illum wara sentejn sar realtà. Sostna li l-kumpanija emmnet fil-potenzjal li tista toffri z-zona tal-Qawra biex illum jista’ jibda jitgawda proġett nazzjonali.

Fi tmiem id-diskorsi, il-Prim Minsitru Dr Joseph Muscat, fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella kixef plakka kommemorattiva fi Pjazza San Pawl, liema pjazza tagħmel parti integrali mill-proġett tal-Akkwarju Nazzjonali. Aktar tard, il-Prim Ministru flimkien mas-Sinjura Muscat ddawru mal-proġett mill-Management.

Preżenti wkoll kien hemm fost oħrajn iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia u l-Kap Eżekuttiv Josef Formosa Gauci.

L-Akkwarju Nazzjonali huwa mifrux fuq medda ta’ madwar 20,000 metru kwardu ta’ art u jinkludi pjazza ta’ madwar 3000 metru kwadru li tinkorpora fiha wkoll zona rikreattiva unika għat-tfal, faċilitajiet ta’ parkeġġ taħt l-art li jesa’ mal-160 vettura, diving institute biex jassisti lill-komunità dejjem tikber t’għaddasa f’pajjiżna, faċilitajiet ta’ catering, ħanut tas-souvenirs, kjosk informattiv għat-turisti flimkien ma’ faċilitajiet anċillari li jinkludu spazju għal esebizzjonijiet u faċilitajiet veterinarji u ta’ kwarantina.

L-entratura tal-Akkwarju hija waħda partikolari għal pajjiżna fejn tidħol arkitettura b’saqaf tond tal-injam f’forma ta’ stilla tal-baħar b’tul totali ta’ 52 metru. L-akkwarju jikkonsisti  f’26 tank, bi 3 minnhom huma b’ilma ħelu u li bejniethom għandhom kapaċità li jżommu mal-2000 ħuta u aktar minn 100 speċi differenti, fil-maġġoranza tagħhom ħut Mediterranju.

It-tank prinċipali b’wisa’ ta’ madwar 12-il metru jilqa’ fih ħut li nġieb mill-Oċean Indjan u jinkludi fost l-oħrajn klieb il-baħar. Huwa wieħed mill-aktar tankijiet imfittxija hekk kif huwa maħdum f’forma ta’ mina li jippermetti li wieħed josserva l-ħut aktar mill-viċin.

Aktar informazzjoni dwar l-Akkwarju Nazzjonali tista’ tinkiseb minn fuq is-sit elettroniku www.aquarium.com.mt

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

More Press Releases Right arrow