Left arrow Mur Lura

IS-SENA EWROPEA TAĊ-ĊITTADINI 2013

pr2150
Date Icon 04/10/2013

Dibattitu taċ-Ċittadini: ‘Ċittadini f’saħħithom, Ewropa b’saħħitha’

Id-Diretttiva tal-Unjoni Ewropea (UE) li tħares lill-pazjenti li jfittxu li jieħdu kura f’xi Stat Membru ieħor se tidħol fis-seħħ fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Kull Stat Membru tal-UE għandu l-obbligu li jdaħħal fis-seħħ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali qabel il-25 ta’ Ottubru ta’ din is-sena. Id-Direttiva ġiet diskussa lbieraħ waqt dibattitu taċ-ċittadini organizzat mill-MEUSAC fil-Belt Valletta.

L-Uffiċjal Mediku Ewlieni, Dr Natasha Azzopardi Muscat; is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Dr Ray Busuttil; u d-Direttur għall-Affarijiet tal-UE fil-Ministeru tas-Saħħa, Karen Demicoli; spjegaw lil dawk li attendew kif se tkun applikata d-Direttiva f’Malta u x’benefiċċji se tagħti lill-pazjenti li huma ċittadini Maltin.

Din id-Direttiva tfasslet biex tissalvagwardja l-pazjenti madwar l-UE li jfittxu kura fi Stati Membri oħra tal-UE u jiltaqgħu ma’ ostakli meta jiġu biex jieħdu lura l-ispejjeż li jkunu għamlu. Ir-rimbors jingħata fuq ċerti kriterji stabbiliti u skont l-ispiża fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa nazzjonali għall-istess tip ta’ servizz mediku li jingħata barra l-pajjiż. Dan japplika kemm meta l-kura tittieħed fi sptarijiet pubbliċi u wkoll dawk privati. Issa, qalu l-kelliema, il-pazjenti se jkunu jistgħu jafu b’mod ċar minn qabel kemm se tiswa l-kura li jixtiequ jieħdu barra minn Malta u kemm jistgħu jkunu kumpensati.

Fid-dibattitu ġie spjegat li bejn l-Istati Membri diġà teżisti kordinazzjoni fil-qasam tas-saħħa, fosthom fejn tidħol il-Kard Ewropea għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa, servizzi farmaċewtiċi, id-donazzjoni tad-demm u l-organi, każijiet ta’ mard rari u li jittieħed u wkoll fil-qasam tat-teknoloġija elettronika. Din id-Direttiva se ssaħħaħ u tirregolarizza l-kura waqt li tiżgura li l-pajjiżi jew l-isptarijiet li fihom il-pazjenti jagħżlu li jieħdu l-kura jkunu ta’ standards għolja u ħielsa minn kwalunkwe riskji.

Permezz ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri se jkunu obbligati joffru l-informazzjoni kollha li jeħtieġu l-pazjenti dwar il-kwalità tas-servizzi li qegħdin ifittxu, dwar l-isptarijiet infushom, is-sistemi ta’ rimborż applikabbli, ix-xiri ta’ mediċini bir-riċetta tat-tabib minn Stati Membri oħra, u informazzjoni oħra li għall-pazjenti hija importanti ħafna u li minbarra li tagħti s-serħan tal-moħħ, tgħin lill-pazjenti konċernati jagħmlu l-aħjar għażla għal saħħithom. Dan se jsir bit-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Kuntatt li jkun magħruf u aċċessibbli għall-pazjenti u jkollu kuntatt ma’ ċentri tal-istess tip fl-Istati Membri kollha.

Il-kelliema qalu wkoll li il-Kard Ewropea għal-Assikurazzjoni tas-Saħħa se tibqa’ tapplika f’każi ta’ emerġenza meta ċ-ċittadini tinqalgħalhom emerġenza waqt li jkunu barra pajjiżhom. Iżda b’din id-Direttiva, pazjenti li jieħdu kura barra pajjiżhom skont kriterji stabbiliti jkunu jistgħu jieħdu rimbors għat-trattament li jingħata fl-Istat Membru li huma ċittadini tiegħu. Ma jingħatax rimbors għat-trattamenti li ma jaqgħux taħt is-sistema tas-saħħa nazzjonali. Hekk, pereżempju, sakemm it-trattament tal-IVF ma jingħatax f’Malta, ma jingħatax kumpens għalih meta jittieħed barra l-pajjiż.

L-iktar ħaġa importanti meta tidħol fis-seħħ id-Direttiva se tkun li l-pazjenti jfittxu u jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż dwar liema trattamenti huma koperti, ir-riferta tat-tabib u l-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet.

Il-kelliema wieġbu għall-mistoqsijiet ta’ dawk li ħadu sehem f’dan id-dibattitu fosthom li b’din id-Direttiva:

  • Mhux se jiġu affettwati ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi oħra li ilhom għal ħafna snin fis-seħħ u li permezz tagħhom pazjenti li ma tistax tingħatalhom kura f’Malta jintbagħtu f’pajjiżi bħall-Italja u r-Renju Unit.
  • Il-kampanji ta’ informazzjoni u prevenzjoni dwar is-saħħa għandhom isiru b’mod studjat billi jiġi assigurat li l-kampanji jħallu l-effett mixtieq fil-popolazzjoni.
  • L-esperjenza ta’ snin twal fil-qasam tas-saħħa f’Malta fejn jidħlu sistemi ta’ awtorizzazzjoni u rimbors jagħmluha iktar faċli biex din id-Direttiva taħdem b’suċċess.

Il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, għalaq id-dibattitu billi qal li s-sensiela ta’ dibattiti organizzati mill-MEUSAC f’dawn l-aħħar xhur f’postijiet pubbliċi bħala parti mill-attivitajiet tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, laħqu l-iskop tagħhom għaliex taw iċ-ċans liċ-ċittadini jsemmgħu leħinhom dwar diversi temi li jolqtuhom bħala ċittadini tal-UE.

Dawn id-dibattiti kienu finanzjati mill-UE taħt il-Management Partnerhip bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

Aktar Stqarrijiet Right arrow