“IL-KULTURA TISTA’ TKUN AĠENT GĦAT-TKABBIR EKONOMIKU U L-INKLUŻJONI SOĊJALI”
Bħalissa is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Kunsilli Lokali José Herrera jinsab fil-kapitali tal-Litwanja biex jieħu sehem fil-laqgħa informali bejn il-Ministri tal-Kultura. F’diskors li għamel huwa appella għat-tisħiħ tal-governanza kulturali biex tkun aġent għat-tkabbir ekonomiku u l-inklużjoni soċjali. Fil-Litwanja huwa żamm għadd ta’ laqgħat fosthom mar-rappreżentant tal-Gvern Olandiż u magħha tkellem dwar il-preparamenti li għaddejjin bħalissa biex iż-żewġ pajjiżi, fl-2018, jiċċelebraw it-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Governanza Kulturali aktar b’saħħitha
José Herrera qal li l-ikbar sfida quddiemna hija li nirrikonoxxu dawk l-għodda li jistimulaw l-ekonomija permezz tal-kultura. Qal li f’pajjiżna l-Gvern qed jaħdem u jinkoraġġixxi aktar creative start-ups filwaqt li jħeġġeġ aktar artisti jidħlu fis-swieq internazzjonali.
Tkellem ukoll dwar x’għandu jsir biex nippromovu d-djalogu bejn is-setturi differenti tas-soċjetà. “Biex dan isir imma hemm bżonn li nifhmu l-isfidi li qed tpoġġielna quddiemna din l-industrija”, tenna Herrera. Hemm bżonn ukoll, qal Herrera, li l-istakeholders ewlenin ta’ din l-industrija jifhmu l-benefiċċju tal-kollaborazzjoni bejn il-kultura u l-ekonomija. Ma’ dan imbagħad hemm bżonn ta’ aktar investiment fir-riżors uman u r-riċerka li tgħinna nifhmu l-isfidi li għandna quddiemna.
Huwa qal li f’pajjiżna dejjem kien hemm rabta bejn il-kultura u t-turiżmu imma l-Gvern qed jifhem li issa wasal iż-żmien li jiġu stabbiliti rabtiet ġodda bħar-rabta bejn il-kultura u t-tkattir tal-impjiegi. Qal li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jieħdu ħafna aktar inizjattivi biex tisaħħaħ il-kultura u l-kreattività. B’mod partikolari, is-Segretarju Parlamentari semma oqsma specifiċi fejn l-Unjoni Ewropea tista’ tintervjeni bħall-programmi ta’ Life-Long Learning u inizjattivi oħra multi-settorjali mmirati għall-SME’s.
Laqgħat fil-Litwanja
Matul iż-żjara tiegħu fil-Litwanja s-Segretarju Parlamentari żamm taħdidiet ma’ għadd ta’ Ministri oħra tal-Kultura. Fosthom huwa ltaqa’ mad-Direttur Ġenerali tal-Kultura u Media fl-Olanda, Marjan Hammersma, il-Ministru Ingliż tal-Kultura, l-Komunikazzjoni u l-Industrija Kreattiva, Ed Vaizey u Sarunas Birutis, li huwa l-Ministru tal-Kultura fil-Litwanja u li f’isem il-Presidenza mexxa laqgħa informali.
Mas-Sur Sarunas Birutis huwa tkellem dwar il-mod li bih il-Litwanja ħejjiet għal presidenza kif ukoll l-importanza tal-kultura u l-industrija kreattiva fl-aġenda tal-Presidenza Litwana.
Min-naħa l-oħra, il-laqgħa mas-Sinjura Hammersma kienet dwar ix-xogħol li qed jagħmlu ż-żewġ pajjiżi fuq il-bliet tagħhom li fl-2018 ser ikunu l-Bliet Kulturali tal-Ewropa. B’Malta permezz tal-Belt Valletta u l-Olanda permezz ta’ Leeuwarden, iż-żewġ naħat qablu li jeħtieġ li jibda programm ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. F’dan is-sens is-Segretarju Parlamentari José Herrera ġie mistieden biex iżur il-Belt ta’ Leeuwarden u l-Ministru tal-Kultura fl-Olanda ġie mistieden biex iżur il-Belt Valletta. Permezz ta’ dawn il-laqgħat, iż-żewġ naħat qablu li jridu jibdew jibnu strateġija ta’ koperazzjoni li sservi ta’ eżempju għal pajjiżi oħrajn li jkunu qed jiċċelebraw simultanjament it-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
pr2134a – Family photo
pr2134b – L-Onor. José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, mas-Sur Ed Vaizey, Ministru tal-Kultura, l-Komunikazzjoni u l-Industrija Kreattiva
pr2134c – L-Onor. José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, mas-Sur Sarunas Birutis, Ministru tal-Kultura
pr2134d – L-Onor. José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, mas-Sinjura Marjan Hammersma, Direttur Ġenerali tal-Kultura u l-Media
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032