SE NINDIRIZZAW L-ISFIDI FIS-SERVIZZ TAL-MEALS ON WHEELS
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva, l-Onor. Dr Franco Mercieca qal li dan il-Gvern qiegħed janalizza s-servizz tal-Meals on Wheels biex aktar anzjani jibbenefikaw minnu.
Dr Mercieca sostna dan dalgħodu meta kien qiegħed iqassam waħda mill-ikliet tal-Meals on Wheels lil anzjan li jgħix il-Ħamrun fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Anzjani.
L-Onor. Segretarju Parlamentari qal li s-servizz tal-Meals on Wheels laħaq il-kapaċità massima tiegħu bil-konsegwenza li l-ammont ta’ anzjani li qegħdin jingħataw dan is-servizz jammonta kważi għal dawk li qegħdin fuq il-lista ta’ stennija. Fil-fatt ta’ kuljum jitqassmu mat-300 ikla u fil-preżent hemm mal-214-il applikazzjoni pendenti.
Bejn Jannar u Settembru li għadda, il-Maltese Cross Corps, qassmu kważi 71,000 ikla li tħejjew mill-kċina tar-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern qiegħed jesplora bosta għażliet biex kemm jista’ jkun malajr, iwieġeb għad-domanda li teżisti u biex is-servizz ikun wieħed aktar sigur.
“Qegħdin nananlizzaw is-sitwazzjoni biex ikollna l-aħjar soluzzjonijiet għall-isfidi li għandna quddiemna biex fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw aktar nies u jkollhom prodott tajjeb u sigur”, qal Dr Mercieca
Huwa assigura li mhu se jkun qiegħed isir ebda tnaqqis fis-servizz, anzi se nkunu qegħdin naraw kif se titjieb il-kwalità u s-sostenibilità tiegħu.
“Irridu naraw li l-kwalità tas-servizz titjib u tilħaq il-livelli mixtieqa biex iżjed anzjani jagħmlu użu minnu. Is-servizz tal-Meals on Wheels huwa ħolqha minn katina ta’ servizzi fil-komunità li dan il-Gvern irid isaħħaħ biex l-anzjani jibqgħu jgħixu f’darhom sakemm hu possibbli”, qal l-Onor. Segretarju Parlamentari.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032