DISKORS MILL-ONOR. SILVIO CAMILLERI, PRIM IMĦALLEF FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ SENA FORENSI - 1 OTTUBRU 2013
Eċċellenza President ta’ Malta,
Onorevoli Segretarju Parlamentari Risponsabbli mill-Ġustizzja,
Onorevoli Shadow Minister għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Mario de Marco,
Sinjuri Prim Imħallfin Emeriti u Imħallfin Emeriti,
Sur Avukat Ġenerali,
Sur President tal-Kamra tal-Avukati,
Sur President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali,
Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali,
Sinjuri,
Wasalna għal sena ġdida ta’ ħidma ġudizzjarja. Din hi l-ewwel sena li fiha għandi l-pjaċir li nilqa’ magħna f’din l-okkażjoni lill-Onorevoli Segretarju Parlamentari Owen Bonnici. Beda l-ħidma politika tiegħu bħala responsabbli mill-Ġustizzja b’ħafna grinta u entużjażmu. Għandi l-pjaċir ngħid li stabbilejna bejnietna relazzjoni tajba ħafna b’komunikazzjoni kontinwa bejnietna u turija ta’ rispett reċiproku. L-Onorevoli Bonnici wera li minkejja l-kritika kontinwa li l-Ġudikatura tirrinfaċċja kuljum, minn min huwa nfurmat u minn min mhux, huwa japprezza l-ħidma tal-Ġudikatura sabiex bil-mezzi li jogħġbu jipprovdilha l-Eżekuttiv tagħmel minn kollox biex tamministra l-ġustizzja fi żmien raġonevoli. Għalkemm kien kritiku tas-sitwazzjoni li teżisti llum, li oġġettivament ma hix aċċettabbli, kien ukoll korrett u prudenti fi kliemu u rrikonoxxa l-problemi li l-Ġudikatura jkollha tirrinfaċċja fil-qadi tal-missjoni tagħha. Ta’ dan nirringrazzjah.
Sur President tal-Kamra, jiena dejjem inħares ’il quddiem b’ħerqa għal din l-okkażjoni sabiex nisma’ r-riflessjonijiet tiegħek fuq l-andament tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna u nistqarr li d-diskors tiegħek dejjem sibt fih ħsieb profond u osservazzjonijiet intelliġenti li lili jagħtuni fuq x’hix naħseb. Għal darb’oħra, għalhekk, nirringrazzjak talli qsamt magħna l-ħsieb tiegħek.
Huwa aċċettat li l-ġudikant irid jassumi r-responsabbilitajiet tiegħu għan-nuqqasijiet tiegħu fil-qadi ta’ dmirijietu. Għedt il-ġudikant, u mhux il-Ġudikatura, għaliex jeħtieġ li min jikkumenta fuq dawn l-affarijiet iżomm id-distinzjoni bejn l-Istituzzjoni u l-ġeneralita` tal-ġudikanti u l-prestazzjoni ta’ ġudikanti individwali. It-tendenza li wieħed jiġġeneralizza fil-kritika tiegħu u jixħet lill-Istituzzjoni u lill-ġeneralita` tal-ġudikanti f’keffa waħda, kif għedt int, ma’ hux ġust ma’ dawk il-ġudikanti li fis-skiet u b’sagrifiċċju kbir ifittxu biex jirbħu kull ostakolu amministrattiv sabiex jagħmlu xogħolhom tajjeb. Din it-tendenza ta’ ġeneralizzazzjoni ma tgħin xejn sabiex jinstabu soluzzjonijiet ġusti għall-problemi li tirrinfaċċja l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-Ġudikatura bħala istituzzjoni kienet u għadha waħda sana u integra li tagħraf sew ir-responsabbilitajiet tagħha lejn il-pajjiż bħala wieħed mill-organi li jifformaw l-Istat. Tinkwieta ruħha meta tara li, hi x’inhi r-raġuni, ma rnexxilhiex tagħti dak is-servizz li ċ-ċittadin għandu dritt jistenna minnha, u cioe`, ġustizzja fi żmien raġonevoli. Membri individwali tal-Ġudikatura jistgħu jonqsu fil-qadi ta’ dmirijiethom iżda dawn in-nuqqasijiet ma jistgħux u ma għandhomx jiġu addossatti fuq il-membri kollha tal-Ġudikatura jew fuq l-Istituzzjoni bħala tali. B’danakollu kull ġudikant irid iżomm quddiem għajnejh, kif sewwa għedt int Sur President tal-Kamra, li l-għemil tiegħu f’għajnejn in-nies li aħna nservu jirrifletti wkoll fuq sħabu kollha u fuq il-Ġudikatura bħala Istituzzjoni u kull wieħed minna għandu d-dover u r-responsabbilita` li nħarsuhom. U forsi dan mhux dejjem ġie apprezzat minna l-ġudikanti kollha.
Ftit wara l-ftuħ tas-sena forensi li għaddiet il-Qrati tagħna kienu skussati għal darb’oħra b’terrimot, li int ukoll, Sur President tal-Kamra, għamilt riferenza għalih, li riegħed lill-Ġudikatura kollha mill-għeruq. Il-Ġudikatura tilfet ħafna u ħafna b’dak li ġara. Il-fiduċja tan-nies fiha ġiet imminata radikalment u dan proprju għaliex l-għemil ta’ wieħed minn fostna jirrifletti fuq il-Ġudikatura kollha u fuq l-operat kollu tagħha. Kulħadd u kull sentenza li ngħatat jispiċċaw taħt suspett. Ħsara akbar minn dik ma tistax issir. Nuqqas ta’ servizz akbar minn dak ma jistax ikun hemm. Dan mhux għaliex biss kull ġudikant iħossu umiljat, imbikkem, u addollorat b’dak kollu li finalment seħħ. Id-dwejjaq u l-piż li ħassejt fuqi dak iż-żmien ma nistax infissru. Fis-sitwazzjoni li żviluppat kif stajt inserraħ ras il-pubbliku dwar integrita` tal-Ġudikatura minkejja n-nuqqasijiet serji ta’ wħud? Kif stajt ngħolli l-moral tal-membri tal-Ġudikatura f’ċirkostanzi bħal dawk? Ikolli nistqarr li sibt ħafna konfort u konsolazzjoni fl-inkontru li kelli mal-Eċċellenza tiegħu Monsinjur Arċisqof fil-laqgħa li kelli miegħu fl-okkażjoni tal-iskambju tal-awguri tal-bidu tas-sena ġdida. Minn hawn ngħidlu grazzi. Sibt sostenn ukoll mill-kollegi tiegħi. Nittama li jien kont ukoll ta’ sostenn għalihom.
Iżda bħal dejjem sibt l-akbar sostenn fil-familja tiegħi u f’Alla fi żmien li għalija kien wieħed mudlam.
Iżda l-ħsara li saret ma kienetx biss fl-amor proprju tagħna. Mhux li kieku kien hekk. Jien sibt sostenn u konfort. X’sostenn u konfort stajt nagħti jien lill-pubbliku li pprivileġġjana bl-inkarigu li namministrawlu ġustizzja? Il-pubbliku li għandu dritt li jippretendi minn għandna l-ogħla grad ta’ integrita` fl-imġieba tagħna; għandu dritt ikollu s-serħan tal-moħħ li qiegħed jirċievi ġustizzja inkontaminata u imparzjali. Dan waħdi ma stajtx nagħmlu. Trid tkun il-Ġudikatura bħala kulleġġ li takkwista lura dak li bħala kulleġġ tilfet konsegwenza ta’ li ġara. Naf li sħabi diġa` jaħdmu ħafna, jistudjaw kontinwament, jissagrifikaw ħafna. Iżda jeħtieġ li naħdmu aktar, nistudjaw iżjed u nagħmlu sagrifiċċji akbar sabiex nagħtu lura lill-pubbliku s-serenita` li caħħadnih minnha u l-konvinċiment li għandu Ġudikatura li qiegħdha għas-servizz tiegħu.
B’danakollu ħaddieħor irid ukoll jerfa’ r-responsabbilita` tiegħu.
Bħal ma għamilt int, Sur President tal-Kamra, ma nistax ma nagħmilx riferenza għall-eżerċizzju li għaddej bħalissa sabiex jiġu identifikati dawk ir-riformi li jistgħu jkunu indikati sabiex titħaffef u titjieb l-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna. Eżercizzju neċessarju u bżonnjuż. Jien kont ikkritikajt il-metodoloġija tal-Kummissjoni li ġiet imwaqqfa għal dan il-għan. Għadni kritiku għaliex il-Kummisjoni ppersistiet fl-istess metodoloġija. Kont nistenna tal-anqas turija ta’ kortesija akbar da parti tal-Kummissjoni, u mhux il-Ġudikatura l-ewwel darba li ssir taf bil-kontenut tar-rapporti tagħha jkun mill-gazzetti. Jidhirli li l-Kummissjoni rriteniet li mxiet kif imxiet għaliex hi demokratika. Bħallikieku d-demokrazija teskludi l-kortesija; mentri jien insofri mill-illużjoni li l-kortesija hija mhux biss karatteristika tad-demokrazija iżda qabel xejn hi karatteristika tal-ġentlomerija. Daqshekk fuq dan l-aspett.
Kien hemm x’wieħed jgħid anki dwar il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni li fiha spikka n-nuqqas ta’ preżenza ta’ persuni li ħadmu fil-kamp penali li ġie rifless f’ċerti nuqqasijiet u f’ċerti rakkomandazzjonijiet dgħajfa li għamlet il-Kummissjoni f’dan il-qasam u li ssemmew mill-Ġudikatura fit-tieni rapport tagħha b’reazzjoni għat-tieni rapport tal-Kummissjoni. Dan it-tieni rapport tal-Ġudikatura bir-reazzjonijiet tagħha fuq il-ħsibijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ntbagħat lill-awtoritajiet konċernati lbieraħ, u llum għandu jitqassam ukoll lill-media.
B’danakollu ma rridx niftiehem ħazin. L-eżercizzju li sar u qiegħed isir huwa indubbjament wieħed posittiv. L-istudju li għamlet il-Kummissjoni tal-aspetti kollha tal-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja huwa wieħed wiesgħa ħafna u dettaljat ħafna; f’ċerti partijiet dettaljat iżżejjed ukoll għaliex jidħol mingħajr ħtieġa f’materji mikroskopiċi tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u tal-entitajiet, eżistenti u proposti mill-Kummissjoni stess. Saru ħafna rakkomandazzjonijiet utli u li ta’ min wieħed jirrifletti dwarhom. Diversi minnhom hemm qbil dwarhom da parti tal-Ġudikatura. Hemm oħrajn li dwarhom il-Ġudikatura ma taqbel xejn. Dan hu hekk speċjalment fil-qasam serju istituzzjonali fejn ċerti rakkomandazzjonijiet li qegħdin isiru mill-Kummissjoni jimpinġu, kif irrilevajt int ukoll Sur Avukat, fuq l-indipendenza u l-imparzjalita` tal-Ġudikatura u li l-Ġudikatura tqis li ma humiex negozjabbli. Waqt li dwar oħrajn il-Ġudikatura hija tal-fehma li jeħtiġilhom jiġu spjegati aħjar jew għandhom jiġu perfezzjonati. Jien ukoll ma inix hawn ser nidħol fid-dettall tar-reazzjonijiet tal-Ġudikatura għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fit-tieni rapport tagħha; dawn jinstabu fir-rapport li hejjiet il-Ġudikatura wara konsultazzjoni interna u li ser ikun disponibbli għall-media llum. Ma hemmx dubju li l-Kummissjoni għamlet hafna xogħol fi żmien qasir u dan jistħoqqlu jiġi rikonoxxut.
Jidher ċar, iżda, li l-Kummissjoni kienet qed taħdem taħt pressjoni sabiex toħroġ rapporti fiż-żmien qasir li ngħatat. Dan irriżulta filli fir-rapporti tal-Kummissjoni nsibu ċerti fatti skorretti, disposizzjonijiet legali eżistenti li ma tteħidx qis tagħhom, nuqqas ta’ aġġornament mal-prattiċi kurrenti, rakkomandazzjonijiet li fil-fatt huma superfluwi għaliex diġa`, u ilhom, jiġu mħaddma; insomma, ċerti żbalji ta’ ċertu serjeta` li wieħed ma kienx jagħmilhom kieku kellu ż-żmien adegwat sabiex jirriċerka, jiddiskuti, jivvaluta u jiddeċiedi. Fi ftit kliem, il-kwalita` tar-rapport kienet titjieb kieku kien hemm aktar żmien għal konsultazzjoni. Dan jagħti lok għal tħassib serju dwar waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex is-sentenzi jingħataw f’terminu qasir stabbilit, speċjalment jekk dan isir b’xi disposizzjoni legali vinkolanti. Bl-istess mod li l-kwalita` tar-rapport tal-Kummissjoni sofra fl-isforz tagħha li tikkonforma mat-termini fuqha imposti, hekk ukoll tissogra li ssofri l-kwalita` tal-ġustizzja amministrata jekk il-ġudikanti jiġu assoġġettati għal termini qosra u vinkolanti għall-għoti tas-sentenzi. L-iżbalji li saru fir-rapport minħabba pressjoni sabiex joħroġ fiż-żmien stabbilit jista’ jingħad li ma kienux ta’ ħsara, iżda żbalji simili f’sentenza ta’ Qorti għall-istess raġuni jista’ jkollhom konsegwenzi ferm serji.
Elementi ċertament importanti sabiex titħaffef l-amministrazzjoni tal-ġustizzja huma l-kwantita` u l-kwalita` tar-riżorsi li jkunu għad-dispożizzjoni tal-Ġudikatura. Fl-ewwel diskors tiegħi f’okkażjoni bħal dik ta’ llum ridt nisposta l-attenzjoni minn fejn kienet solitament tiffoka u cioe` fuq in-nuqqasijiet tas-sistema, għal fuq in-nuqqasijiet tal-operaturi kollha fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, fuq quddiem tagħna l-ġudikanti. Ridt li nieqfu milli nwaħħlu fis-sistema u minflok induru dawra lejna infusna sabiex nidentifikaw in-nuqqasijiet tagħna biex nagħmlu ħilitna sabiex nirrimedjawhom.
B’dak li għedt dakinhar, iżda, b’ebda mod ma ridt neżenta lill-Eżekuttiv mir-responsabbilitajiet tiegħu li jimplimenta strutturi u proċeduri u li jipprovdi r-riżorsi neċessarja ta’ persuni u għodda sabiex il-Ġudikatura tkun tista’ taħdem b’effiċjenza u speditezza. Di fatti dawn iffokajt l-attenzjoni tiegħi fuqhom f’interventi oħra li għamilt wara. Dak li kien Prim Imħallef tal-Istati Uniti tal-Amerika bejn l-1969 u l-1986, Warren E. Berger, kien qal li:
“Concepts of justice must have hands and feet or they remain sterile abstractions. The hands and feet we need are efficient means and methods to carry out justice in every case in the shortest possible time and at the lowest cost.”
Ġie notat fir-rapporti tal-Kummissjoni n-nuqqas ta’ sens kritiku fil-konfront tal-Eżekuttiv f’dan ir-rigward. Biex jingħata eżempju, fir-rapporti tal-Kummissjoni qatt ma jissemma l-fatt tad-dewmien fil-mili ta’ vakanzi fost il-Ġudikatura. Dan neċessarjament jikkawża fi żmien qasir kumulu dejjem jikber ta’ kawżi għaliex waqt li tibqa’ l-vakanza ma jkunux jistgħu jingħataw sentenzi mill-Qorti preseduta mill-Imħallef li vvaka postu waqt li l-kawżi ġodda jibqgħu deħlin. Matul iż-żmien ta’ tliet snin li jien ili fil-kariga spiċċaw mill-Qorti tal-Appell mhux inqas minn erba’ Imħallfin. F’sena waħda biss, u cioe` fl-2012, spiċċaw mill-Qorti tal-Appell mhux inqas minn tliet Imħallfin b’perjodu qasir bejn vakanza u oħra. F’kull każ kien hemm dewmien sabiex jiġi appuntat Imħallef ġdid bil-konsegwenzi li rriferejt għalihom. Dan meta l-Eżekuttiv qiegħed f’pożizzjoni li jantiċipa bi preċiżjoni d-data meta ġudikant ikun ser jirtira mill-kariga. Dwar dan il-Kummissjoni jidher li ma sabet xejn x’tikkritika.
Ma nistax ma nsemmix ukoll li fl-istess perjodu wieħed mill-Imħallfin komponenti l-Qorti tal-Appell għamel xahar indispost li matulu s-sezzjoni in kwistjoni ma setgħetx tisma’ l-appelli quddiemha iżda fl-istess żmien l-appelli ġodda baqgħu jiżdiedu.
Fis-sentejn li ġejjin ser jirtiraw bl-eta` mhux inqas minn erba’ Mħallfin oħra. Nawgura li l-Eżekuttiv jibda jaħseb minn ferm qabel sabiex isib kandidati xierqa biex jimlew il-vakanzi li ser jinħolqu jekk irridu għal darb’oħra nevitaw li jkollna staġnar fl-ipproċessar tal-kawżi bil-konsegwenzjali kumulu ta’ kawżi pendenti. Jiena naf bħala fatt li d-dewmien fil-mili ta’ vakanzi mhux dejjem kien għal kollox dovut għan-nuqqas ta’ azzjoni fil-ħin mill-Eżekuttiv. Ħafna drabi, minkejja l-isforzi tal-Eżekuttiv, dawk il-persuni li jkunu kandidati xierqa u li jiġu offruti jokkupaw il-kariga ta’ ġudikant jirrifjutaw l-offerta għaliex ikunu tal-fehma li l-kundizzjonijiet tas-servizz tal-Ġudikatura ma jkunux attraenti biżżejjed biex jinduċuhom jabbandunaw il-prattika privata tagħhom li tkun qed tirrendilhom ħafna aktar milli tirrendilhom il-kariga ta’ Mħallef jew Maġistrat. Din hi realta` li fl-interess pubbliku trid tiġi rinfaċċjata jekk irridu verament titjieb il-kwalita` u l-puntwalita` tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja anki jekk tista’ twassal għal miżuri li ma jkunux populari. Aktar u aktar trid tiġi rinfaċċjata din ir-realta` jekk ikun hemm il-ħsieb li jiġu introdotti miżuri li jkomplu jagħmlu aktar restrizzjonijiet fuq il-liberta` u l-privatezza tal-membri tal-ġudikatura u li jkomplu jirrendu l-kariga ta’ ġudikant inqas attraenti milli diġa` hi.
Jien nistqarr li bħalek ninsab xettiku kemm mingħajr żieda sostanzjali fin-numru tal-ġudikanti ser jirnexxilna nilħqu l-livell ta’ effiċjenza fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja li tkun tikkompara ma’ dak ta’ pajjiżi Ewropej oħra meta kif stqarrejt int korrettement in-numru ta’ ġudikanti f’Malta ras għal ras huwa n-nofs ta’ dak li hu fl-Ewropa. Għalkemm il-Kummissjoni jidher li qed tissuġġerixxi xi żieda fin-numru ta’ ġudikanti dan jidher li ser jibqa’ ferm ’il bogħod minn dak li nsibu f’pajjiżi oħra Ewropej. B’danakollu l-Ġudikatura kommessa li tagħmel l-għalmu tagħha sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ġustizzja fi żmien raġonevoli bir-riżorsi, umani u xort’oħra, li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha.
Iżda anqas ma sabet xejn x’tikkritika l-Kummissjoni dwar id-dewmien sabiex jimtlew il-vakanzi li matul is-sena jinħolqu fil-qasam amministrattiv fost l-impjegati li jappoġġjaw lill-Ġudikatura fix-xogħol tagħha. Biżżejjed li nsemmi li bħalissa hemm mhux inqas minn 29 vakanza għal skrivani li l-parti kbira minnhom tirrisali għall-2012. Bħala konsegwenza hemm mhux inqas minn 13-il ġudikant mingħajr l-appoġġ meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jagħmlu x-xogħol tagħhom bl-effiċjenza li kulħadd leġittimament jistenna. Dan apparti li numru mill-iskrivani in kwistjoni huma meħtieġa sabiex ikomplu jtejbu s-sistemi tal-informatika fil-Qorti u sabiex jipprovdu appoġġ dejjem akbar lill-Ġudikatura kif hu meħtieġ.
Hemm għaxar vakanzi għal messaġġiera li wkoll jirrisalu għall-2012 u għadhom fil-proċess li jimtlew waqt li hemm 11 il-vakanza għal deputati reġistraturi.
Dejjem jgħaddu xhur sħaħ minn meta tinħoloq il-vakanza sabiex din timtela u dan ċertament ma jgħinx għall-ipproċessar b’ħeffa tal-proċeduri.
Naturalment, il-kawżi ma jiddeċiduhomx il-messaġġiera jew id-deputati reġistraturi iżda jekk il-proċess ta’ kawża ma jinżammx aġġornat kif imiss, jekk il-verbali ma jiġux tajpjati u inseriti fil-proċess, jekk dokumenti esibiti ma jinstabux, jekk xiehda ma tiġix traskritta tempestivament, jekk rikorsi ma jinġibux għall-attenzjoni tal-ġudikant, dan kollu joħloq diżgwid u jtawwal il-proċeduri.
Iżda anki fil-qasam ta’ appoġġ lill-ġudikant fl-għoti tas-sentenzi nsibu problemi simili għaliex qiegħed ikun hemm riżenji ta’ spiss minn fost l-assistenti ġudizzjarji li jiġu ngaġġati u l-vakanzi li jinħolqu imbagħad jieħdu żmien twil sabiex jerġgħu jimtlew. Ġieli anki sena għaddiet qabel timtela vakanza.
Dan id-dewmien fil-mili ta’ vakanzi fil-qasam amministrattiv ukoll jikkontribwixxi għal ineffiċjenza fl-ipproċessar tal-kawżi. Kont nistenna li l-Kummissjoni kien ikollha xi ħaġa x’tikkummenta fuq dan l-aspett.
Bħal ma l-Eżekuttiv ikun pront li jimponi fast tracking tal-kawżi fejn ikun involut hu daqstant għandu jkun pront li jimponi fast tracking fil-proċess ta’ reklutaġġ ta’ staff biex jaħdmu fil-Qrati.
U la darba semmejt lill-impjegati tal-Qorti ppermettuli, bħal ma kull sena nħossni doveruż li nagħmel, kelma ta’ ringrazzjament lill-istaff kollu tal-Qorti, inklużi lill-assistenti ġudizzjarji, għax-xogħol siewi tagħhom matul is-sena u għall-paċenzja li jieħdu bina l-Imħallfin meta nduru lejhom għall-bżonnijiet tagħna. Mhux dejjem nuru li napprezzaw ir-restrizzjonijiet li huma wkoll iridu jaħdmu bihom. Kultant nitilfu l-paċenzja. Irridu ninqdew illum qabel għada u ma napprezzawx li dan mhux dejjem possibbli. Ikkumpatuna. L-irritazzjoni tagħna tkun ġejja mill-volonta` li naħdmu u l-frustrazzjoni meta nsibu li ma nistgħux naħdmu kif nixtiequ. Grazzi.
Imbagħad hemm ukoll il-problema ta’ spazju li llum -il ġurnata saret waħda akuta. Il-bini preżenti tal-Qrati sar żgħir wisq. Hemm min jaħseb li l-problema tiġi riżolta jekk l-Imħallfin u l-Maġistrati jibdew jaħdmu wara nofsinhar ukoll. Fil-fatt l-Imħallfin u l-Maġistrati diġa` jaħdmu wara nofsinhar ukoll. Iżda hemm problemi sabiex dawn jaħdmu regolarment wara nofsinhar: kemm għaliex ix-xogħol tal-Awla wara kull seduta jrid isir f’xi ħin, kemm minħabba l-esiġenzi tal-avukati li jsostnu li wara nofsinhar ikunu jridu jagħmlu x-xogħol tagħhom tal-uffiċju u jiltaqgħu mal-klijenti, kemm għaliex fis-Sajf l-impjegati jaħdmu nofs ta’ nhari, kemm għaliex in-nuqqas regolari ta’ staff ma jippermettix li dan jiġri peress li staff li normalment jaqdi ċertu ġudikant ikollu jiġi temporanjament imċaqlaq biex jaqdi ġudikant ieħor.
Iżda anki kieku kien hemm Awli biżżejjed għal kulħadd tibqa’ l-problema ta’ sigrieti jew uffiċċji għall-ġudikanti; diversi fil-fatt ma għandhomx sigrieta diċenti għaliex ħafna drabi jinħoloq l-ispazju billi sigrieta li tkun appena adegwata tiġi diviża fi tnejn sabiex taqdi l-ħtiġijiet ta’ mħallfin jew maġistrati ġodda bil-konsegwenza li l-ispazju tal-ġudikant qiegħed dejjem jiċkien għal kulħadd.
Informat li l-bini l-ġdid li huwa intiż biex jinħoloq spazju għas-sigrieti tal-ġudikanti ma hux ser ikun biżżejjed sabiex kull imħallef u maġistrat ikollu s-sigrieta tiegħu ta’ daqs xieraq u għalhekk ser tinħoloq il-problema ta’ min ser jiċċaqlaq u min ser jibqa’.
L-ispazju dedikat lil-librerija jeħtieġ jikber. Li jikber il-vot għal-librerija huwa essenzjali iżda daqstant importanti hu li jikber l-ispazju fejn il-kotba jkunu jistgħu jinżammu għaliex inutli takkwista kotba imbagħad ma ssibx fejn tqiegħdhom.
Ma nixtieqx intawwal iżda xtaqt ngħid xi ħaġa wkoll dwar il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja peress li ta’ spiss tiġi mgħobbija inġustament mill-pubbliku, mill-media u issa anki mill-Kummissjoni dwar Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja, b’responsabbilitajiet u kolpi li huma ta’ ħaddieħor. Il-Kummissjoni tiġi kkritikata minħabba nuqqas ta’ trasparenza. Iżda din hi konsegwenza tad-dover ta’ konfidenzjalita` impost fuqha bil-liġi u għalhekk jekk xi ħadd irid ifittex il-kolpevoli dan ma hux ċertament fi ħdan il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. L-istess Kummissjoni ġiet ikkritikata minħabba n-nuqqas ta’ sanzjonijiet effettivi. Iżda l-Kummissjoni tista’ timponi biss dawk il-miżuri previsti mil-liġi u għalhekk jekk is-sanzjonijiet li tista’ timponi huma ineffettivi għal darb’oħra għal dan ma taħtix il-Kummissjoni. Tiġi kkritikata għaliex timxi bil-mod. Iżda qabel xejn biex wieħed jiġġudika hix miexja bil-mod jew le wieħed irid ikun informat dwar id-diffikultajiet li jinqalgħu f’kull każ partikolari iżda din l-informazzjoni ma tistax tingħata mill-Kummissjoni minħabba l-konfidenzjalita` imposta fuqha mil-liġi. Barra minn hekk ir-ritmu tal-proċeduri huwa kundizzjonat ukoll mir-riżorsi li l-Eżekuttiv jogħġbu jipprovdilha. Biżżejjed jingħad li l-istaff tal-Kummissjoni jikkonsisti fi skrivan wieħed u segretarja. La għandha traskritturi, la għandha uffiċċjali eżekuttivi, u anqas ħadd iżjed. Biex ma nsemmix in-nuqqas ta’ għodda oħra adegwata. B’danakollu hija dejjem il-Kummissjoni li hi dejjem fil-mira tal-kritika li ssir minflok ma tiġi kritikata l-liġi u min għandu s-setgħa li jibdilha jew li jipprovdilha r-riżorsi neċessarja.
Il-Kummissjoni ripetutament spjegat ir-restrizzjonijiet li taħthom trid tiffunzjona skont il-liġi iżda b’danakollu l-ispjegazzjonijiet tagħha ripetutament jaqgħu fuq widnejn torox. U sfortunatament il-media kultant flok jilluminaw lill-pubbliku dwar il-pożizzjoni korretta jkomplu jalimentaw l-idea li l-Kummissjoni kappriċċjosament tippersisti fin-nuqqas ta’ trasparenza. Hekk, wara li l-Kummissjoni ġiet avviċinata minn ġurnal għal informazzjoni dwar proċeduri pendenti quddiemha u l-ġurnal għal darb’oħra ġiet spjegata lilu li l-Kummissjoni kienet prekluża mil-liġi milli tagħti l-informazzjoni mitluba l-istess ġurnal joħrog bit-titolu b’ittri grassi “Il-Kummissjoni tirrifjuta tagħti spjegazzjoni ...’’ u b’hekk tagħti l-impressjoni li l-Kummissjoni tista’ tagħti spjegazzjoni iżda qed tirrifjuta tagħmel dan. Dan ma hux ġust.
Ħadt ftit tal-ħin biex nispjega l-ħsibijiet tiegħi. Iżda għamlu kuraġġ, it-tmiem qiegħed fil-qrib. U dik ma hix xi twiddiba apokalittika.
Il-Ġudikatura wkoll tieħu inizjattivi sabiex fil-limiti tal-kompetenza tagħha, tagħmel li tista’ sabiex tikber l-effiċjenza fl-ipproċessar tal-kawżi. Hekk wara diskussjonijiet mal-Kamra tal-Avukati ġiet introdotta sistema ta’ smiegħ tal-kawżi bl-appuntament u b’ħin determinat għas-smiegħ. Fil-fehma tiegħi is-sistema fl-Appell qiegħda taħdem pjuttost sew. Jiddispjaċini nisma’ mingħandek, Sur President tal-Kamra, li xi wħud mill-ġudikanti ma humiex isegwu din is-sistema. Napprezza jekk niġi nformat, anki konfidenzjalment, dwar min huma dawn l-Imħallfin sabiex nindaga x’tista’ tkun ir-raġuni għal dan. Nifhem li jista’ jkun hemm diffikulta` fit-tħaddim tas-sistema fil-qrati fl-ewwel istanza fejn l-esiġenza ta’ smiegħ ta’ xhieda tista’ tirrendi diffiċli li l-ġudikant iżomm mal-pjan stabbilit. Iżda tajjeb nistudjaw x’jista’ jsir sabiex is-sistema titħaddem b’uniformita` fost il-ġudikanti kollha għaliex altrimenti wieħed itellef lill-ieħor.
Miżura oħra li ħadet il-Qorti tal-Appell hi li żdiedet seduta nhar ta’ Ħamis li fihom jinstemgħu appelli li skont il-liġi ma humiex fast tracked. Il-fast tracking bil-liġi ta’ numru konsiderevoli ta’ kawżi kien qiegħed jikkawża li l-appelli fast tracked dejjem jingħataw priorita` fuq kawżi oħra bir-riżultat li dawk l-appelli li ma humiex fast tracked jinqabżu minn oħrajn u għalhekk iż-żmien tagħhom biex jinstemgħu jitwal. B’din is-seduta li żdiedet qiegħed isir sforz biex dawk il-kawżi li ma humiex fast tracked bil-liġi ma jibqgħux dejjem lura u jinqabżu minn appelli li bil-liġi jridu jiġu fast tracked.
Apparti dan bħala Prim Imħallef minn mindu assumejt il-kariga tiegħi, bil-kollaborazzjoni tal-kollegi Mħallfin l-oħra u tal-Maġistrati, qiegħed isir sforz sabiex ma jkunx hemm astensjonijiet bla raġuni valida skont il-liġi, sabiex it-taħriġ jiddisturba mill-inqas ix-xogħol skedat tal-Qorti u sabiex ikun hemm aktar awto-dixxiplina fuq safar barra mill-perjodi tal-ferjat. Dan kollu jgħin, anki jekk mhux f’xi miżura straordinarja, sabiex kemm jista’ jkun tikber l-effiċjenza fl-ipproċessar tal-kawżi.
Nagħlaq billi mill-ġdid għan-nom tal-kollegi tiegħi Mħallfin u Maġistrati nikkonferma d-determinazzjoni u l-volonta` tal-Ġudikatura sabiex naħdmu flimkien mal-organi l-oħra tal-Istat sabiex nagħtu lill-pubbliku dak is-servizz li jixraqlu. Aħna lkoll impenjati filli nikkontribwixxu kostruttivament lejn ir-riformi neċessarji biex jintlaħaq dan il-għan u hemm disponibbilita` totali u rieda tajba sabiex naħdmu flimkien mal-operaturi l-oħra fil-qasam tal-ġustizzja f’din id-direzzjoni ta’ fejda għall-poplu tagħna. Konvint li naslu.
Nirringrazzjakom minn qalbi tal-attendenza tagħkom. Insellmilkom
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032