MAL-2000 DELEGAT FOSTHOM STILISTI TAX-XAGĦAR MINN MADWAR ID-DINJA JINSABU F’MALTA BIEX JATTENDU BUSINESS FORUM TAL-GRUPP L’OREAL: L-AKBAR KUMPANIJA FIL-QASAM TAL-KOŻMETIKA U S-SBUĦIJA
Il-Ministru għat-Turiżmu jħabbar kif din is-sena huwa stmat li se jkunu żaru ’l pajjiżna mal-1.5 miljun turist li jfissru mal-4 turisti għal kull persuna f’Malta
Bħalissa f’pajjiżna hawn mal-2000 delegat fosthom stilisti tax-xagħar minn pajjiżi differenti minn madwar id-dinja fejn qed jattendu għall-Business Forum organizzat mill-kumpanija L’Oreal rinomata ferm fil-qasam tal-kożmetika u s-sbuħija.
Fil-ftuħ ta’ dan il-Business Forum it – Tnejn filgħaxijja li ttella fl-MFCC f’Ta’ Qali, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella semma’ kif huwa mill-aktar sinifikanti l-fatt li l-Grupp L’Oreal meqjus bħala l-akbar kumpanija fil-qasam tal-kożmetika u tas-sbuħija, għażlet lil pajjiżna għal din il-konferenza. Huwa tkellem dwar l-ospitalità li l-poplu Malti huwa magħruf għaliha u li hija riflessjoni tal-immaġini ta’ pajjiżna fejn tidħol l-industrija turistika.
Il-Ministru Vella semma’ kif fl-aħħar ħamsin sena, pajjiżna bidel totalment il-mudell ekonomiku tiegħu minn wieħed li kien jiddependi fuq dominanza barranija għal wieħed li jiddependi minn investiment barrani, turiżmu u kollaborazzjoni fil-qasam tal-kummerċ barrani.
Karmenu Vella saħaq li t-turiżmu llum sar wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija tagħna fejn jikkontribwixxi mux anqas minn 25% fil-prodott gross domestiku, bis-settur turistiku jirreġistra tkabbir sena wara l-oħra. Ħabbar kif din is-sena huwa stmat li se jkunu waslu f’pajjiżna mal-1.5 miljun turist li jfisser li għal kull persuna Maltija se jkunu żaru ’l Malta mal-4 turisti.
Fi kliem il-Ministru għat-Turiżmu, in-nuqqas ta’ riżorsi naturali li għandu pajjiżna huwa kkumpensat bil-fatt li Malta għandha ħafna x’toffri fejn tidħol kultura, patrimonju, xtajtiet, u fuq kollox ospitalità. Dan kollu jpoġġi lil pajjiżna fuq il-mappa bħala destinazzjoni ta’ valur mhux biss għal fini ta’ rikreazzjoni iżda wkoll għal waħda ta’ kummerċ u negozju.
Il-Ministru Karmenu Vella awgura kull suċċess għal din il-konferenza filwaqt li rringrazzja lill-Grupp L’Oreal talli minkejja c-cokon tagħha bħala l-iżghar pajjiż fl-Unjoni Ewropea, għażel lil Malta għal dan l-avveniment.
Id-delegati li qed jattendu għal din il-konferenza ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom mir-Russja, l-Ukrajna, il-Lebanon u Dubai.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032