IL-KUMMISSJONI NAZZJONALI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA F’LAQGĦA MAL-PRESIDENT GEORGE ABELA
Il-Kummisjoni Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva (NCAA) flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva l-Onor. Dr Franco Mercieca kellha laqgħa dalgħodu mal-E.T il-President ta’ Malta Dr George Abela fil-Palazz ta’ San Anton.
Matul il-laqgħa l-Onor. Mercieca spjega l-ħidma li twettqet f’dawn l-aħħar ħames xhur mill-membri tal-NCAA taħt it-tmexxija ta’ Dr Marvin Formosa bħala Chairperson biex tfasslet il-Politika Nazzjonali Strateġika għall-Anzjanità Attiva. Dr Mercieca qal li x-xogħol fuq din l-istrateġija wasal lejn l-aħħar tiegħu u se tkun qiegħda titnieda fil-ġimgħat li ġejjin.
L-Onor. Segretarju Parlamentari żied jgħid li wara t-tnedija tal-istrateġija, se tibda ħidma biex jibdew jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-oqsma li fihom tfasslet din il-Politika Nazzjonali, jiġifieri l-parteċipazzjoni attiva tal-anzjani fis-suq tax-xogħol, il-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-soċjetà u d-dritt tal-anzjani li jgħixu ħajja dinjituża u b’mod indipendenti.
Dr Mercieca rrimarka li l-Kummissjoni ġiet ifformata minn diversi esperti f’oqsma differenti bil-għan li tolqot l-aspetti varji tal-anzjanità. Huwa semma wkoll li l-istrateġija tfasslet wara proċess sħiħ ta’ konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti fis-settur tal-anzjani kif ukoll mal-anzjani nfushom f’seminar pubbliku ta’ konsultazzjoni.
L-Onor. Mercieca tkellem ukoll dwar diversi sfidi ekonomiċi u soċjali f’dan il-qasam u sostna li l-għan tal-Gvern hu li f’dawn il-ħames snin aktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità u fl-istess waqt jibqgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà b’mod attiv. Min-naħa l-oħra huwa żied jgħid li l-Gvern irid jassigura li dawk li se jkollhom bżonn ta’ kura fit-tul jidħlu f’djar residenzjali li joffrulhom l-aqwa servizzi u kura possibbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032