Diskors mill-Onor. Chris Cardona, Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – Enterprise Consultative Council - 30 ta’ Settembru 2013
Sinjuri, l-għodwa t-tajba,
F’dan il Kunsill Konsultattiv tal-Intrapriżi ser nieħu l-opportunità biex naqsam magħkom ftit min dak li sar u li qed isir mil-Gvern biex inkomplu nsejsu is-suċċess fin-negozju u l-intrapriżi Maltin u biex b’hekk nilħqu il mira li niksbu tkabbir ekonomiku li tassew jilħaq lil kulħadd. Biex jintlaħaq dan il-għan dan il-Gvern qed jaħdem fuq bosta livelli u f’diversi setturi tal-industrija, tal-ekonomija kif ukoll fl-edukazzjoni, pero fil-ftit ħin li għandi ser nindirizza żewġ inizjattivi li qed jiġu implimentati attwalment u li ser jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-impjiegi u l-kontinwazzjoni u t-tkabbir ta’ l-intrapriżi filwaqt li jgħinu biex jsaħħu l-kompetittività ekonomika.
Waħda min dawn l-inizjattivi u wegħdiet elettorali ta’ dan il-Gvern kienet dik li noħolqu Family Business Act, liġi li tindirizza ostakli li jiffaċjaw negozji tal-familja, speċjalment meta membri tal-familja jiġu biex jitrasferixxu in-negozju bejniethom u minn ġenerazzjoni għall-oħra. Permezz tal-Family Business Act Malta ser tkun l-ewwel Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkollu liġi formali li t’indirizza speċifikament in-negozju tal-familja jew family business.
Nemmnu li f’dan ir-rigward il-konsultazzjoni ma l-istake holders hija wahda mil-pilastri ewlenin biex ikollna regolamenti aħjar, fl-interess nazzjonali, imma ukoll fl-interess ta’ dawk li l-liġi stess qegħda tindirizza. Dwar il-Family Business Act, tlabna diversi stakeholders li jvarjaw minn rappreżentanti tan-negozju sa dipartimenti tal-Gvern biex iressqu l-veduti tagħhom fuq din il-leġizlazzjoni ġdida u unika. Għal daqstant, bejn Lulju u Awissu ta’din is sena wettaqna eżerċizzju ta’ konsultazzjoni ma’ dawk il-partijiet kollha interessati fejn stedinihom biex jissottometu proposti u inċentivi li jixtiequ jaraw inklużi f’dan l-abbozz ta’ liġi.
Nixtieq ngħid li sa dan l-istadju ġie wkoll imwaqqaf il-kumitat li ser ikompli jiddiskuti dan l-abbozz ta’ liġi. Ma’ kienetx ħaġa faċli li nagħżlu il-membri tal-kumitat għaliex ir-rispons li rċevejna mil-partijiet kollha interessati kien qawwi u nkoraġġanti ħafna. Pero, nħossu li l-membri li ntgħażlu għal fuq dan il-kumitat jirrapreżentaw tajjeb u b’mod ħolistiku l-partijiet kollha interessati. Xtaqna, li kieku kien possibli, li ninvolvu iktar stake holders f’dan l-istadju tal-proċess, u minn hawn nixtieq nirringrazzja sinċerament lil dawk il-partijiet kollha li għamlu il-proposti tagħhom u li mill-bidu ta’ dan il-proċess urew interess kbir f’dan l-abbozz, però għal-raġunijiet ta’ espedjenza u pratiċità, ma’ kienx possibli li ninkludu iktar membri f’dan il-kumitat. Dwar dan il-kumitat ser tkompli tgħidilkom iktar Dr. Nadine Sant min hawn u ftit ieħor.
Kif tistgħu tapprezzaw il-ħidma fuq din il-liġi bdiet sa mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura. Dan qed nagħmluħ għaliex ninsabu konvinti mill-effett pożittiv li se tħalli din il-liġi fuq l-intrapriża lokali kif ukoll għaliex irridu nibagħtu l-messaġġ li se nkunu qed naġixxu bħala Gvern favur in-negozju, Gvern li jħalli n-negozju jaħdem ... Gvern li jagħraf ir-rwol tiegħu bħala regolatur u faċilitatur, li jagħti direzzjoni ekonomika ċara.
Hawnhekk nixtieq infakkar ir-raġunijiet għalfejn aħna ħassejna il-bżonn li pajjiżna jkollu liġi li tindirizza speċifikament in-negozji tal-familja. Huwa fatt li madwar 75% tan-negozji f’Malta huma tal-familji jew kontrollati minnhom. Maġġoranza sostanzjali minnhom jgħaddu għat-tieni ġenerazzjoni. Iżda 30% biss minn dawn jirnexxu f’din it-tranżizzjoni mill-ewwel għat-tieni ġenerazzjoni, filwaqt li inqas minn 10% jkampaw fit-tielet ġenerazzjoni. Hemm madwar 31,000 negozju żgħir tal-familja, li jimpjegaw bejn wieħed sa ħamsa min-nies. Bejniethom dawn iħaddmu ‘l fuq minn 38,000 ruħ; hemm oħrajn li jimpjegaw ‘l fuq minn 250 sa 500 ruħ.
Għalhekk l-Gvern irid li jkun hemm qafas legali li fuqu membri ta’ family business ikollhom gwida legali li tgħinhom jippjanjaw u jaffetwaw it-transferiment tan-negozju tagħhom. Din il-liġi ser ukoll tinkludi definizzjoni ċara ta’ x’inhu negozju tal-familja ħalli ma jkunx hemm lok għall-abbuż.
Waħda mil-isfidi li kull negozju, irrispettivament mid-daqs tiegħu, jaffaċja xi mument jew ieħor huwa kif ser jiffinanzja t-tkabbir. Is-self mil-banek huwa mod kif tradizzjonalment negozji Maltin li ma jkollhomx il-likwidità u l-kapital meħtieġ jiffinanzjaw dan it-tkabbir. Però huwa ukoll fatt li s-self mil-banek joħloq ukoll piz fuq dawn in-negozji li kultant ikun kbir wisq biex finalment in-negozju jkun jista’ jlaħħaq miegħu.
Aħna nemmnu li l-likwidità hija ħaġa essenzjali għall-intraprizi ta’ kull daqs biex in-negozju tagħhom jkun jista’ jibqa’ għaddej b’suċċess. Għalhekk nħossu li għandna nsibu metodi oħra ta’ finanzjament, li permezz tagħhom l-intrapriżi jottjenu l-livell ta’ likwidità meħtiega biex ikunu jistgħu jesploraw opportunitajiet kummerċjali ġodda. Biex nilħqu dan l-għan huwa neċessarju li, b’ħidma u sinerġija mal-banek, noħolqu skemi ġodda li jgħinu lin-negozji jiffaċilitaw l-aċċess responsabbli għall-finanzjament, kemm għal working capital u anki għall-investiment biex ikomplu jtejbu l-operat tagħhom, jinvestu u jkabbru.
Aħna qed naħdmu bis-sħiħ biex ngħinu dan it-tkabbir iseħħ billi nassiguraw aktar aċċessibilità li l-intraprizi għandhom ikollhom għas-servizzi finanzjarji. Aktar ma naraw tkabbir f'dawn l-intrapriżi, aktar ikollna ekonomija soda u aktar inkunu nistgħu nibnu futur sod għaż-żgħażagħ tagħna li l-quddiem ħafna minnhom ħa jkunu qegħdin jiġu impjegati mill-industrija lokali.
F’dan il-kuntest, qed inkomplu nevalwaw it-twaqqif ta’ qafas regolatorju li jiffaċilita aktar il-factoring bħala mezz ieħor ta’ għajnuna. Is-sistema tal-factoring li ilha teżisti għal dawn l-aħħar snin, tipprovdi negozji minn setturi diversi ta’ l-industrija l-possibiltà ta’ finanzjament immedjat. Mill-2006, meta s-servizzi tal-factoring kienu ġew introdotti għall-ewwel darba f’Malta, il-volumi u l-interess min-negozji f’dan is-servizz baqgħu jiżdiedu b’mod konsistenti. Però bħala Gvern inħossu li hemm bżonn li tingħata iktar informazzjoni lill-intrapriżi rigward dan is-servizz u għalhekk qegħdin nagħmlu ħilitna biex is-sistema tal-factoring isir iktar aċċessibli għall-partijiet interessati kollha u biex b’hekk iktar negozji u intrapriżi jibdew jużaw din il-faċilità vantaġġjuża.
Il-Gvern għandu impenn li jaħdem mal-istakeholders varji u għalhekk fit-tieni sezzjoni ta’ dan il Kunsill hawn wkoll mistiedna żewg banek li ser jippreżentaw każi konkreti ta' suċċess tal-klijenti tagħhom li jużaw factoring arrangements. Fost il-mistiedna f’dan il Kunsill hawn ukoll il-Bank Of Valletta li għalkemm sal-lum dan il-bank għadu mhux qed joffri is-servizz tal-factoring, xorta wera interess li jattendi għal dan il-Kunsill. Aħna ninkuraġixxu iktar istituzzjonijiet finanzjarji biex joffru dan is-servizz lil-klijenti tagħhom u bħala Gvern ser nagħmlu ħilitna biex inkomplu nippromwovu servizzi bħal dawn li jistgħu ikunu ta’ vantaġġ għall-partijiet kollha involuti.
Finalment, nixtieq nisħaq li aħna ser nkunu miftuħa għas-suġerrimenti u l-opinjonijiet ta’ dan il- Kunsill Konsultattiv tal-Intrapriżi għaliex bħal dan il-Kunsill, l-interess aħħari tagħna huwa li nkomplu naħdmu biex ngħinu lin-negozji Maltin joperaw f’kundizzjonijiet li jipromwovu, u mhux ifixklu, is-success ta’ l-intrapriża tagħhom.
Grazzi
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032