IL-COMMONWEALTH SE TAĦDEM FUQ PROĠETT LI JASSISTI L-PAJJIŻI Ż-ŻGĦAR
Is-sehem tal-istati żgħar huwa importanti għat-tkabbir ekonomiku ta’ reġjuni differenti. B’hekk il-Commonwealth, li tirrapreżenta terz tal-pajjiżi dinjin, qed taħdem fuq proġett għal istituzzjoni finanzjarja li tassisti l-pajjiżi żgħar tagħha fl-opportunitajiet tan-negozju, l-aktar fl-esportazzjoni. Dan ħareġ waqt laqgħa bilaterali li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Kamalesh Sharma fi New York, l-Istati Uniti.
Dr Muscat qal li Malta hija interessata li tkun parti minn din l-inizjattiva u l-Gvern se jkun qed jesplora l-possibilità tal-involviment tiegħu.
Kamalesh Sharma esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-impenn mill-Gvern Malti u qal li qed iħares ‘il quddiem biex jibda x-xogħol fuq din l-instituzzjoni ta’ ko-finanzjament li toffri kreditu għall-esportazzjoni ta’ pajjiżi żgħar.
Waqt din il-laqgħa, Dr Muscat semma l-ħtieġa li l-pajjiżi tal-Commonwealth jindirizzaw aħjar il-bżonnijiet taż-żgħażagħ tagħhom. Il-Prim Ministru semma kif il-Gvern huwa kommess li jagħti garanzija ta’ tagħlim, taħriġ u xogħol għaż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom. Is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth qabel ma’ din il-proposta u fisser kif, fiċ-CHOGM (il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-pajjiżi tal-Commonwealth) ta’ Novembru li ġej, il-Commonwealth se tkun qed tniedi strateġija ġdida li taħseb għal aktar appoġġ lejn ż-żgħażagħ.
Sharma qal li dan ic-CHOGM, li se jsir fi Sri Lanka u li Malta se tieħu sehem fih, se jiffoka fost oħrajn fuq is-sostenibbilità finanzjarja billi jagħti importanza assoluta għan-negozju u t-tkattir tiegħu. Il-Prim Ministru Muscat spjega kif, aparti l-politika interna mal-Unjoni Ewropea, Malta bdiet ukoll ħidma qawwija biex tattira aktar investiment mill-Mediterran, fosthom mill-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, kif ukoll aktar ko-operazzjoni mal-pajjiżi tal-Commonwealth, fosthom Singapor, il-Malażja u l-Indja.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032