Left arrow Mur Lura

DISKUSSJONI FIL-MEUSAC DWAR L-UNJONI BANKARJA EWROPEA

pr2092
Date Icon 28/09/2013

Il-Core Group tal-MEUSAC illum iddiskuta l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-passi li jmiss li isiru lejn Unjoni Bankarja fl-Unjoni Ewropea (UE).

Fl-introduzzjoni tagħha, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli, qalet li l-kriżi finanzjarja enfasizzat il-ħtieġa ta’ regolament u superviżjoni aħjar tas-settur finanzjarju.  Hi qalet li l-kriżi fiż-żona Ewro kompliet iżżid il-ħtieġa għal governanza aħjar tal-unjoni monetarja u ekonomika.  Għaldaqstant, il-Ministru Dalli qalet li hemm bżonn ta’ azzjoni aktar b’saħħitha fost l-Istati Membri, b’mod partikolari dawk l-istati li jħaddnu l-istess munita.

Fil-laqgħa ħa sehem is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, is-Sur Alfred Camilleri, li spjega kif din il-proposta hija parti minn serje ta’ żviluppi li rriżultaw mill-kriżi finanzjarja u li sal-lum issarrfu f’iktar minn 30 sett ta’ regoli fl-UE biex isaħħu s-sorveljanza u r-regolamentazzjoni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Huwa tkellem dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-Unjoni Bankarja (MUR) li jikkumplimenta l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), li meta jidħol fis-seħħ fl-2014 se jara li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ikun qed jissorvelja direttament il-banek fiż-żona tal-ewro u fl-Istati Membri li jidħlu fl-Unjoni Bankarja. Fl-isfond tal-MUR, is-Sur Camilleri qal ukoll li fix-xhur li ġejjin se jkun hemm żviluppi oħra, fosthom verifika tas-sitwazzjoni tal-assi u l-kapital tal-banek Ewropej.

L-għan prinċipali tal-MUR, saħaq is-Sur Camilleri, huwa li tikber il-fiduċja fil-banek u fl-istituzzjonijiet finanzjarji.  Dan se jsir permezz ta’ miżuri li minbarra tmexxija aħjar u aktar prudenti tal-banek, jassiguraw li f’każ ta’ problemi, ir-riżoluzzjoni tal-bank jew banek konċernati ssir minghajr effetti negattivi fuq id-depożitaturi jew saħansitra fuq iċ-ċittadini mit-taxxi tagħhom.

Fi preżentazzjoni li saret mis-Sur Aldo Giordano, Chairperson tal-Crisis Management Task Force mill-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) assistit mis-Sinjura Graziella Gatt, mill-Bank Ċentrali ta’ Malta,  intwera kif l-Unjoni Bankarja hija ġabra ta’ liġijiet li jipproteġu s-sistema ekonomika u lid-depożitanti. Permezz ta’ dawn il-miżuri, id-deċiżjonijiet se jibdew jittieħdu f’livell ta’ UE b’parteċipazzjoni u kontribut akbar mill-Istati Membri. 

Bejn l-2008 u l-2012 l-UE approvat €5 triljun f’għajnuna finanzjarja lill-banek li sabu l-problemi, iżda bir-regolamentazzjoni l-ġdida, minbarra li se jkunu qed jittieħdu prekawzjonijiet akbar, ir-responsabbiltà tal-qagħda finanzjarja tal-banek se tgħaddi għand it-tmexxija u s-sidien tal-ishma fl-istess banek. Dan se jkun qed isir biex it-tmexxija tal-banek tkun waħda aktar għaqlija, u biex il-problemi ma jibqgħux jispiċċaw f’ħoġor il-gvernijiet tal-Istati Membri bir-riżultat li dawn jiġu tradotti fi problemi soċjali bħal-livell għoli ta’ qgħad.

L-MUR għandu wkoll iżid il-fiduċja bejn il-banek li fil-qafas ta’ din is-sistema jħossuhom aktar protetti u sikuri meta jidħlu għal tranżazzjonijiet flimkien; kunċett li huwa importanti ħafna biex l-ekonomija tkompli tirkupra mir-riċessjoni tal-aħħar snin.

Waqt il-ħin għall-interventi tqajmu diversi punti mill-membri tal-Core Group, fosthom:

• l-importanza tal-banek fl-ekonomija u jekk il-fatt li r-responsabbiltà tal-problemi li jistgħu jifaċċjaw il-banek se tgħaddi fuq id-depożitaturi l-kbar, jistax iwassal għal anqas fiduċja mid-depożitaturi;

• is-sehem dirett u sinifikanti mill-awtoritajiet lokali fil-mekkaniżmu ta’ superviżjoni u l-kunċett li kull istituzzjoni finanzjarja tiġi trattata skont iċ-ċirkostanzi partikolari tagħha;

• il-bżonn ta’ aktar informazzjoni u edukazzjoni lill-konsumaturi u lin-negozji li jinvestu flushom biex tiżdied il-fiduċja fil-banek; u

• l-importanza li r-regolamentazzjoni l-ġdida ma żżidx piżijiet amministrattivi ġodda fuq il-banek.

F’reazzjoni għal dawn il-kummenti, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi qal li r-responsabilità tal-problemi tal-banek mhux se tgħaddi għand id-depożitaturi, speċjalment dawk żgħar, anzi dawn se jkunu protetti aktar minn qabel.  Huwa qal li l-Mekkaniżmu Uniku se joħloq definizzjoni ċara ta’ responsabilitajiet biex jekk ikun hemm kriżi ma jkunx hemm inċertezzi. Huwa qal ukoll li l-banek f’Malta għandhom qafas regolamentarju b’saħħtu u l-Ministeru tal-Finanzi ilu attent biex il-qasam tas-servizzi finanzjarji, li f’pajjiżna jirrendi madwar €140miljun fis-sena f’taxxi, jibqa’ jissaħħaħ.

Is-Sur Camilleri qal li għalkemm id-deċiżjonijiet se jittieħdu fuq livell tal-UE, Malta qed tkun dejjem attenta li tipproteġi s-sovranità finanzjarja tagħha, filwaqt li qed targumenta favur il-proporzjonalità u biex il-banek f’pajjiżi differenti jiġu trattati skont iċ-ċirkustanzi partikolari tas-sistemi finanzjarji tagħhom u mhux skont id-daqs tal-pajjiż jew tal-istess sistemi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

Aktar Stqarrijiet Right arrow