IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU JILTAQA’ MAT-TIM TAR-RED ARROWS.
Illum wasal f’pajjiżna t-tim aerobatiku tar-Red Arrows li se jkun qed jagħti wirja spettakolari fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Air X Malta International Airshow li se tittella’ bejn għada s-Sibt 28 u l-Ħadd 29 ta’ Settembru f’Park 4 fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Wara nofsinhar il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella żar il-post fejn se tkun qed tittella’ l-Airshow fejn iltaqa’ u tkellem mat-tim sħiħ ta’ piloti tar-Red Arrows.
F’indirizz qasir lill-media, il-Ministru Karmenu Vella rringrazzja lit-tim tar-Red Arrows talli din is-sena assiguraw li jkunu f’pajjiżna biex għal darb’oħra jerġgħu jagħtu spettaklu mill-aqwa bil-manuvri tagħhom fl-ajru. Huwa kellu wkoll kliem ta’ ringrazzjament għall-parteċipanti kollha fl-edizzjoni ta’ din is-sena li se jkunu ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom mill-Qatar, mill-Ġermanja, mill-Ingilterra, mill-Italja u minn Malta, kif ukoll lill-organizzaturi għax-xogħol siewi li għamlu.
Karmenu Vella temm jgħid li hemm aspettattiva kbira li wirja bħal din fl-ajru terġa’ tkun waħda ta’ suċċess kbir.
Il-President tas-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni Joe Ciliberti semma’ kif din hija l-ewwel darba li l-organizzaturi tal-Airshow qed jaħdmu daqshekk mill-viċin mal-Ministeru għat-Turiżmu filwaqt li kellu kliem ta’ tifħir għall-appoġġ kbir u kontinwu li qed jirċievu mingħand il-Ministeru u minn sponsors ewlenin fosthom il-kumpanija Air X u l-Air Malta.
Iċ-Chairman tal-kumpanija Air X John Matthews iddeskriva l-ewwel sitt xhur tal-operat tal-kumpanija f’Malta bħala ta’ suċċess kbir filwaqt li saħaq li l-intenzjoni tal-kumpanija hi li tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet li għandha ma’ pajjiżna.
Il-media kienet indirizzata wkoll minn wieħed mill-piloti tar-Red Arrows fejn qal li wara li s-sena li għaddiet it-tim kellu jħassar il-mawra tiegħu f’Malta fl-aħħar mumenti, din is-sena t-tim jinsab aktar determinat u ħerqan biex jagħti spettaklu mill-isbaħ.
Ir-Red Arrows se jkunu qed jagħtu żewġ wirjiet waħda s-Sibt u l-oħra l-Ħadd.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena mistennija jieħdu sehem mal-40 ajruplan differenti.
Il-wirja statika tiftaħ għada s-Sibt fl-10.00 A.M. sal-5.30 P.M. kif ukoll il-Ħadd, bl-aċċess ikun minn park numru 4 f’Ħal Farruġ limiti ta’ Ħal Luqa. Il-wirja fl-ajru fiż-żewġ ġranet tibda għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar.
Il-pubbliku qed ikun mħeġġeġ biex kemm jista’ jkun jagħmel użu mit-trasport pubbliku li se jkun qed jitlaq mill-Belt valletta dirett lejn l-Airshow kull nofs siegħa, jew inkella b’mod aktar frekwenti skont id-domanda.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032