IT-TEKNOLOĠIJA AMBJENTALI: L-AKTAR GĦODDA EFFETTIVA GĦALL-ĦARSIEN TAL-AMBJENT – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Meta dalgħodu kien qiegħed jindirizza ċ-ċerimonja għall-preżentazzjoni tal-Ambassador’s Award For Environmental Excellence, unur li ngħata lil kumpanija bbażata f’Malta li b’ħidmietha tat kontribut kbir fil-qasam ambjentali, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li t-teknoloġija ambjentali hija l-aktar għodda proattiva li jista’ jkollna biex nimbuttaw ‘il quddiem il-ħarsien ambjentali.
Il-Ministru Brincat qal li dan jista’ jsir permezz ta’ għarfien sħiħ ta’ sens qawwi ta’ tmexxija, kisbiet u innovazzjoni f’dan is-settur importanti. Huwa qal li l-industrija u l-ambjent mhux biss jistgħu jaħdmu flimkien, iżda għandhom l-aqwa opportunità biex jaħdmu f’sinerġija ma’ xulxin f’mod li tissaħħaħ l-interattività bejnithom.
Qal li l-impenn favur l-eċċellenza fil-qasam ambjentali huwa ta’ benefiċċju għall-preżent kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan billi s-settur ekonomiku juri tmexxija għaqlija ambjentali li tmur lil hinn mill-livell ta’ expertise u speċjalizazzjoni li jista’ jkun intlaħaq fuq livell purament tekniku u/jew teknoloġiku.
Il-Ministru Brincat qal li hemm baħar jaqsam bejn li kemm tosserva r-regoli ambjentali u li tikseb l-eċċellenza ambjentali f’ħidmietek.
Jemmen li l-Istati Uniti għandha ħafna x’toffri lill-pajjiżna f’dik li hija tmexxija u sħubija fil-qasam tat-teknoloġija ambjentali, f’mod li jista’ jgħinna niksbu soluzzjonijiet varji f’oqsma li huma parti integrali mill-qasam ambjentali. Dan iwassal biss għall-aħjar prattiċi f’dan il-qasam flimkien mal-aktar applikazzjonijiet innovattivi.
Il-Ministru Brincat qal li l-Gvern Malti jemmen bis-sħiħ fis-sinerġija bejn ambjent, kummerċ u industrija. Kien dan li wassal biex rebbħu l-appoġġ ta’ dawn iż-żewg oqsma varji meta ħareġ bil-proposta oriġinali li dirgħajn ambjentali u tal-ippjanar, illum miġburin flimkien fi ħdan il-MEPA, għandhom jiġu separati f’awtoritajiet differenti minn xulxin. Il-Gvern huwa kommess li dan isir ħalli jsaħħaħ l-effiċjenza u l-impenn tiegħu għall-ġid taż-żewġ setturi.
Qal li t-teknoloġija hekk imsejħa eco technology twassal għall-aktar sostenibbiltà filwaqt li jssaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività.
Semma kif kemm il-programm nazzjonali ta’ riforma ta’ pajjiżna u d-dokument ta’ qabel il-budget li ħejja l-Gvern, it-tnejn jitkellmu dwar il-ħtieġa li nindirizzaw l-ekonomija l-ħadra ħalli jkollna ekonomija li tagħmel użu aktar effiċjenti tar-riżorsi ta’ pajjiżna b’anqas tniġġis. Il-green growth huwa l-aħjar ċavetta għall-kisba tat-tkabbir ekonomiku reali.
Huwa faħħar l-inizjattiva riċenti li ħa l-President Amerikan li ħareġ b’limiti ġodda u iebsa fuq l-ammont ta’ tniġġis li jistgħu jarmu l-impjanti l-ġodda tal-enerġija li ser jinbnew fl-Istati Uniti u sejjaħ dan bħala pass kuraġġuż u importanti favur it-tibdil fil-klima.
Fl-istess waqt hemm stennija kbira għar-rapport tal-Ġnus Magħquda (IPCC) li għandu joħroġ illum il-Ġimgħa u li mistenni jenfasizza kif nistgħu nikkumbattu t-tibdil tal-klima permezz tal-mixja u l-kisba ta’ arja aktar nadifa.
Il-Ministru Brincat qal li inizjattivi bħal dik ta’ illum għandhom iqawwulna qalbna kemm mill-aspett ambjentali kif ukoll minn dak industrijali u kummerċjali għaliex huma ta’ fejda għaż-żewġ setturi u għall-pajjiżna wkoll.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032