PAJJIŻNA JFAKKAR IL-JUM DINJI GĦAT-TURIŻMU
Illum Malta qed tingħaqad mal-kumplament tad-dinja biex tfakkar il-Jum Dinji għat-Turiżmu, bit-tema magħżula għal din is-sena mill-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu u mill-Ġnus Magħquda tkun: It-Turiżmu u l-Ilma: “Nipproteġu l-futur tagħna komuni”
Għal din l-okkażjoni, dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella akkumpanjat miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia attenda għal ċerimonja simbolika ta’ tħawwil ta’ siġar f’Ta’ Qali bħala parti mill-kampanja 34U.
F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Ministru Karmenu Vella semma’ kif is-settur tat-turiżmu jagħti kontribut qawwi fl-ekonomija globali, mhux lanqas f’pajjiżna fejn huwa stmat li jikkontribwixxi mal-25% b’mod dirett fil-prodott gross domestiku lokali.
Karmenu Vella qal li t-tema tal-ilma magħżula għal din is-sena għandha rilevanza kbira anke f’pajjiżna hekk kif il-parti l-kbira tat-turiżmu tagħna huwa turiżmu kostali. Fl-istess ħin qal li dan huwa settur li jiddependi ħafna mill-użu tal-ilma, liema riżors f’Malta huwa wieħed skars. Dan apparti l-fatt li l-produzzjoni tal-ilma għax-xorb permezz tal-impjanti tar-reverse osmosis tiswa ħafna lill-pajjiż u twassal anke għal inkwinament tal-arja.
Il-Ministru għat-Turiżmu saħaq fuq il-bżonn li dawk kollha involuti fis-settur turistiku jifhmu l-importanza li dan ir-riżors għandu għal pajjiżna u għall-industrija nnifisha u jibżgħu għalih.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia esprima s-sodisfazzjoni tiegħu u tal-MTA għar-riżultati mill-aktar pożittivi li nkisbu matul l-aħħar xhur fil-qasam turistiku fejn pajjiżna laħaq rekord ieħor fejn għandhom x’jaqsmu wasla ta’ turisti lejn Malta.
Dr Gulia qal li l-Awtorità qed tħares ‘il quddiem b’ottimiżmu għax-xhur li ġejjin, fl-istess ħin li tassigura li pajjiżna jkollu distribuzzjoni ugwali ta’ turiżmu matul is-sena kollha, mhux biss fis-sajf iżda wkoll fix-xitwa.
Għal din l-attività attendew bosta rappreżentanti minn skejjel tal-Ingliż fejn huma wkoll ħawlu siġra ta’ tifkira.
Sadanittant, bħala parti mill-attivitajiet fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għat-Turiżmu, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella żar il-lukanda Intercontinental f’San Ġiljan filwaqt li aktar tard żar wirja ta’ snajja u artiġġjanat Malti fil-lukanda Excelsior fil-Furjana. Fost l-oħrajn huwa seta’ jara kif jinħadem in-newl, sengħa tipika Maltija li tmur lura għal għexieren ta’ snin kif ukoll xogħol fuq iċ-ċeramika. Din l-esebizzjoni tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sas-6.00 P.M
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032