IL-PREMJU TAL-PRESIDENT GĦALL-KREATTIVITÀ
Il-President George Abela, il-bieraħ filgħaxija ppressieda it-tielet edizzjoni tal-Premju tal-President għall-Kreattività
Din is-serata ta’ premjazzjoni tkun mistennija ħafna mir-rebbieħa tal-premju, iżda wkoll tal-bieraħ kienet serata speċjali għaliex għalqet l-ewwel kapitlu tal-Premju taħt il-patroċinju tal-E.T. il-President George Abela.
Is-serata bdiet bi preżentazzjoni ta’ proġett minn Opening Doors Association. Din l-assoċjazzjoni ingħatat il-premju s-sena l-oħra biex tintroduċi l-arti taż-żfin b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Sapport lill-persuni b’diżabilità fit-tagħlim li huma wkoll klijenti ta’ ċentri differenti madwar Malta.
Il-Premju tal-President għall-Kreattività twaqqaf tlett snin ilu mill-Uffiċju tal-President bl-għajnuna tal-Culture and Audiovisual Unit fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali u l-Grupp ta’ Ħidma għall-ekonomija kreattiva fil-Ministeru għall-Finanzi.
Il-Premju tal-President għall-Kreattività (Tfal) jappoġġja l-potenzjal kreattiv ta’ tfal u żgħażagħ billi jgħinhom isegwu t-talenti kreattivi tagħhom sabiex jiksbu sens ogħla ta’ teknika u ħila. Għalliema fl-iskejjel primarji u sekondarji, kif ukoll għalliema fl-ambjenti mhux formali u informali tat-tagħlim, ingħataw il-possibiltà li jinnominaw l-aħjar talenti li qed jitfaċċaw fid-diversi oqsma tal-kreattività. Din is-sena, il-Premju tal-President ingħata lil 3 persuni f’din il-kategorija.
Il-Premju tal-President għall-Kreattività (Żgħażagħ). Din it-taqsima tindirizza persuni kreattivi żgħażagħ bejn is-17 u l-25 sena li juru talent eċċezzjonali fil-forom varji tal-arti. F’din il-kategorija erba’ żgħażagħ ingħataw dan il-premju.
Fis-sessjoni tal-Komunità kienu 9 organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li ħadu dan il-premju. Din it-taqsima tal-Komunità tfittex li tgħin organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet, kemm jekk huma privati u kemm jekk pubbliċi, li jħeġġu l-iżvilupp tal-kreattività fost gruppi differenti tas-soċjetà. L-għan huwa li proġetti bħal dawn jgħinu sabiex jindirizzaw b’mod kreattiv il-ħtiġijiet ta’ dawn il-gruppi soċjali fi ħdan il-komunità.
Fi tmiem is-serata, il-President George Abela rringrazzja lil kull min ta’ sehmu biex għal darb’oħra dan il-premju seta’ jagħraf it-talenti ta’ dawk nominati u wkoll esprima s-sodisfazzjon fejn permezz ta’ dan il-premju, persuni emarġinati fis-soċjetà esprimew it-talent tagħhom u bis-saħħa tal-premju kellhom l-opportunità li jibdew xi ħaġa u jtemmuha!
Finalment l-President Abela rringrazzja lit-tim fl-uffiċċju tiegħu, lill-Culture and Audiovisual Unit fis-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali u l-grupp ta’ ħidma ghall-ekonomija kreattiva fil-Ministeru għall-Finanzi li flimkien minn sena għal sena ħadmu biex dan il-premju jkun suċċess.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032