IFFIRMAT FTEHIM BEJN MALTA U L-KUWAJT FIS-SETTUR TAL-AVJAZZJONI
Is-settur tal-avjazzjoni kien diskuss waqt laqgħa li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu mal-Prim Ministru tal-Kuwajt Jaber Al-Mubarak Al-Hamad Al-Sabah fi New York, l-Istati Uniti.
Dr Muscat semma s-suċċess ta’ Malta fil-qasam tal-manutenzjoni tal-ajruplani kif tixhed il-preżenza ta’ kumpaniji bħal Lufthansa Technik u SR Technik. Dan l-investiment wassal għal tkabbir ekonomiku fis-settur tal-avjazzjoni u Malta trid tkompli miexja f’din it-triq lejn aktar żvilupp.
Iż-żewġ naħat se jkomplu jikkolaboraw ma’ xulxin fis-settur tal-avjazzjoni permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat fi tmiem il-laqgħa bilaterali minn George W. Vella, Ministru għall-Affarijiet Barranin, u Sabah Khalid Al-Hamad Al-Sabah, Deputat Prim Ministru tal-Kuwajt u Ministru tal-Affarijiet Barranin. Dan il-ftehim, frott ta’ xhur ta’ diskussjonijiet, jagħti lok għal titjiriet regolari bejn Malta u l-Kuwajt bil-għan li jkun hemm aktar moviment ta’ nies u investiment bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-ftehim jipprovdi għal proviżjoni tas-servizzi kollha meħtieġa, bħal skedar u kapaċità, biex ikun faċilitat iċ-ċaqlieq bejn iż-żewġ pajjiżi u japplika għal-linji kollha tal-ajru li jinżlu fil-pajjiżi rispettivi, ewlenin fosthom l-Air Malta, Kuwait Airways u Jazeera Airways Company.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032