Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAD-DJALOGU SOĊJALI, AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR U LIBERTAJIET ĊIVILI

pr2042
Date Icon 25/09/2013

Kontra l-impressjoni li ngħatat fl-Istqarrija maħruġa mill-FORUM illum, il-finanzjament għal dan il-fond, magħruf bħala Fond għas-Soċjetà Ċivili (FSĊ), ġej kollu minn fondi nazzjonali u bl-ebda mod minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, assolutament m’huwiex minnu li l-Ministru Helena Dalli qed tonqos milli tipprovdi lill-unions b’fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-FSĊ kien amministrat mill-‘Malta-EU Information Centre (MIC)’. Meta Malta ssieħbet fl-UE, din il-funzjoni għaddiet lill-‘Forum Malta fl-Ewropa’ li kien assuma l-funzjonijiet tal-MIC.

Meta reġa’ twaqqaf il-MEUSAC fl-2008, dan wiret din il-funzjoni mingħand il-‘Forum Malta fl-Ewropa’. Il-MEUSAC sab sitwazzjoni fejn il-parametri tal-FSĊ ma kienux ċari. Tant li f’rapport li sar mill-Awditur Ġenerali fl-2008 dwar il-‘Forum Malta fl-Ewropa’, instabu numru ta’ problemi relatati ma’ dan il-Fond. Fosthom, li ma kienx possibli li jiġi intraċċat il-ftehim li permezz tiegħu bdiet tingħata din l-għajnuna (ara paġni 202-207 tal-‘Annual Audit Report by the Auditor General Public  Accounts’ tal-2008). Il-MEUSAC ma sabet l-ebda linji gwida dwar kif għandu jiġi amministrat il-Fond.

Problema oħra tal-FSĊ hu li dan jitħallas mill-vot globali allokat annwalment mill-Parlament lill-MEUSAC fil-Budget. Meta dan il-vot beda jitnaqqas fi sforz biex titnaqqas in-nefqa pubblika, il-problema tas-sostenibbiltà tal-FSĊ bdiet tqum peress li filwaqt li l-ispejjeż biex entità bħall-MEUSAC topera jiżdiedu minn sena għal oħra, il-vot kien qed jitnaqqas:  fuq l-ammont tal-2011, il-vot tal-MEUSAC tnaqqas bi 18% mill-2011 għall-2012, u bi 27% mill-2011 għall-2013.  Fil-fatt, fl-2012 (fi żmien l-amministrazzjoni nazzjonalista) ma kienx possibli li l-MEUSAC toħroġ sejħa biex korpi u għaqdiet mhux governattivi bħall-FORUM ikunu jistgħu jissottomettu applikazzjoni għal attivitajiet iffinanzjati mill-FSĊ. Għalhekk, m’huwiex minnu li dawn il-pagamenti twaqqfu mill-gvern laburista iżda kienu twaqqfu s-sena l-oħra matul l-amministrazzjoni preċedenti.

Fl-istess waqt li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-MEUSAC ġew informati b’dan il-pass is-sena l-oħra, saret offerta li l-MEUSAC tgħin lil dawn l-entitajiet biex jiksbu finanzjament mill-UE għall-proġetti tagħhom biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ finazjament mill-FSĊ. B’hekk NGOs ikunu jistgħu jiffrankaw flus għal attivitajiet li jistgħu jsiru b’fondi mill-UE, biex jikkonċentraw ir-riżorsi tagħhom fuq attivitajiet oħra fosthom dawk li qabel kienu ko-finanzjati mill-FSĊ. Ta’ min jgħid li meta beda l-FSĊ, Malta kienet qegħdha tibda t-triq tagħha lejn sħubija fl-UE u ma kiex hemm il-possibiltà li organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) jibbenefikaw mill-fondi tal-UE. Issa li Malta hi membru tal-UE u fid-dawl tal-fatt li propju għax aħna membri tal-UE għandna l-obbligu bħala pajjiż li nrażżnu n-nefqa pubblika, hu tajjeb li fejn hu possibli, innaqsu d-dipendenza fuq fondi nazzjonali u nħaddmu aħjar il-mekkaniżmi tal-fondi tal-UE – xi ħaġa li ma ġietx sfruttata bl-aħjar mod mill-amministrazzjoni nazzjonalista, kif jaf kulħadd. Kien propju biex NGOs jibbenefikaw iktar minn fondi tal-UE li l-MEUSAC kien ingħata l-inkarigu li jgħin NGOs biex jiksbu fondi mill-UE. Fil-fatt, mill-2008, intrebħu 87 proġett minn NGOs bl-għajnuna tal-MEUSAC li flimkien jammontaw għal iktar minn €6 Miljun. Dan minbarra kważi €11.5 għal proġetti mill-kunsilli lokali.

Il-Gvern hu kommess li jsaħħaħ il-MEUSAC biex iktar għaqdiet jibbenefikaw mill-fondi tal-UE, kif ukoll fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-liġijiet u l-politika tal-UE li sseħħ permezz tal-MEUSAC.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

Aktar Stqarrijiet Right arrow