IL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT JILTAQA’ MAL-GULF COOPERATION COUNCIL
L-istrateġija tal-Gvern Malti li jiffoka l-politika barranija tiegħu lejn il-ġara Mediterranji kienet diskussa waqt laqgħa li l-Prim Ministru, u d-delegazzjoni Maltija fi New York, kellha mal-Gulf Cooperation Council (GCC).
Din l-unjoni politika u ekonomika, magħrufa bhala l-Cooperation Council for the Arab States of the Gulf, tinkludi fiha lill-Għarabija Sawdita, l-Baħrejn, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar u l-Emirati Għarab Maqgħuda.
Il-Prim Ministru semma l-importanza tar-relazzjoni b'saħħitha bejn Malta u l-GCC, kemm bħala organizzazzjoni kif ukoll bħala pajjiżi individwali. Dr Muscat qal li, apparti l-ħidma mal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, wasal issa ż-żmien li Malta ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha mal-pajjiżi Mediterranji.
Din il-koperazzjoni se tiffoka b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija. Il-Prim Ministru qal li, bħalma sar bil-ftehimiet mal-Libja u maċ-Ċina, l-pajjiżi tal-GCC għandhom rwol importanti x'jilgħabu għal iktar investiment f'Malta fl-enerġija tradizzjonali u alternattiva.
Dr Muscat qal li l-koperazzjoni se timraħ ukoll fl-investimenti kummerċjali. Bħalma sar f'pajjiżna minn kumpanija mill-Kuwajt fil-Fimbank, il-pajjizi tal-GCC jistgħu jgħinu fl-istabbilità u l-prosperità ta' pajjiżi ohra bħal Malta.
Minn naħa tiegħu, s-Segretarju Ġenerali tal-Gulf Cooperation Council Dr Abdullatif Bin Rashid Al Zayani qal li l-GCC għandha l-istess prinċipji fil-politika barranija. Qal li r-reġjun tal-Mediterran isir aktar b'saħħtu jekk tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-membri tal-GCC u l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Al Zayani qal li Malta tista’ tgħin biex ikun faċilitat dan it-tip ta' negozju.
Matul il-laqgħa gie deċiż li jibqgħu għaddejjin in-negozjati għal ftehim konkret bejn Malta u din l-organizazzjoni politika u ekonomika.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032